Kapulavuri Artistiċi Fil-Mużew Muża

 Kapulavuri Artistiċi Fil-Mużew Muża

Tlettax-il kapulavur ta’ artisti kbar minn kollezzjoni privata internazzjonali ġew mislufa għal perjodu twil lill-Mużew Nazzjonali tal-Arti, MUŻA. Dawn jistgħu jitgawdew minn kull min iżur dan il-Mużew Malti. Bejn il-11 ta’ Ġunju u l-aħħar t’Ottubru dawn se jkunu esebiti flimkien f’wirja bl-isem ‘Masterpieces at MUŻA’. Imbagħad dawk il-pitturi se jiġu integrati fil-MUŻA għall-ħames snin li ġejjin u possibbilment għall-ħames snin ta’ wara wkoll, ħabbar il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, José Herrera. 

Dawn ix-xogħlijiet artistiċi jmorru lura għal bejn tmiem is-seklu 15 u nofs is-seklu 18. Fl-imsemmija wirja dawn ser ikunu mqassmin f’ħames sezzjonijiet biex b’hekk joffru esperjenza tematika. Is-sezzjonijiet huma: Quddiem ir-Ritratti, L-Omm u t-Tarbija, Passjoni u Devozzjoni, Il-Mitoloġija Griega fl-Arti u n-Natura Qerrieda. 

F’termini artistiċi, din il-wirja hija ċelebrazzjoni tal-idjoma armonjuża tar-Rinaxximent Għoli, influwenzata minn artisti kbar bħal Raffaello, Michelangelo u Leonardo da Vinci. Tagħti ġieħ ukoll lil artisti ta’ fama dinjija bħal Giovanni Baglione, Claude-Joseph Vernet u François Boucher, rappreżentati mill-pitturi tagħhom bi stil Barokk teatrali u stil Rokoko estravaganti.

Konsiderazzjonijiet dwar attribuzzjonijiet tax-xogħlijiet tal-arti mhux dejjem ikunu faċli. Spiss joffru sfidi u ħafna drabi jibqgħu dibattibbli. Fl-attribuzzjonijiet proposti f’din il-wirja, Heritage Malta bbażat il-konsiderazzjonijiet tagħha primarjament fuq ir-rapporti tekniċi u xjentifiċi li għamlu diversi esperti u professjonisti indipendenti mqabbda mill-kollezzjonist u minn sid l-opri. 

Din il-wirja qegħda tipprovdi opportunità unika sabiex wieħed japprezza tlettax-il kapulavur taħt saqaf wieħed. Din hija l-ewwel darba li ħafna minn dawn ix-xogħlijiet qed jiġu esebiti fi żmien twil ħafna – fil-fatt tnejn biss minnhom intwerew f’mużewijiet fl-aħħar għaxar snin.

Il-Ministru José Herrera qal li l-arti tieħu varjetà kbira ta’ forom differenti iżda bla ebda dubju, jgħaddu kemm jgħaddu snin, il-kapulavuri tal-artisti l-kbar nett u ta’ dawk li kellhom ix-xorti jaħdmu taħt ħarsthom fil-bottegi tagħhom sekli ilu, jibqgħu jittraxxendu ż-żmien għal dejjem. Il-Ministru Herrera tkellem kif hija ta’ xorti kbira li ftit minnhom qed jiġu ppreżentati f’din il-wirja f’MUŻA, mhux biss biex nitgħaxxqu bi ġmielhom iżda wkoll biex nifhmu kemm hu kbir l-irwol tal-kultura fl-iżvilupp ta’ kull nazzjon.

Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Mario Cutajar saħaq dwar l-importanza li l-mużewijiet ma jibqgħux tempji tal-antikità iżda jsiru ċentri ta’ diskussjoni u ta’ tagħrif, fejn bniedem ma jidħolx idur dawra u joħroġ bla ma jieħu xejn miegħu iżda joħroġ mimli għarfien ġdid. Dawn iċ-ċentri jridu jkunu marbuta u relatati maż-żminijiet tal-lum għax hekk biss jibqgħu relevanti u tabilħaqq aċċessibbli. L-aċċessibbiltà li mhix biss dik fiżika, iżda fuq kollox ir-relevanza għal-lum.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit qal li din il-wirja timmarka punt importanti ħafna fl-eżistenza ta’ Heritage Malta u tikkumplimenta b’mod perfett il-missjoni tal-aġenzija li tagħmel il-wirt kulturali lokali u internazzjonali aċċessibbli għall-pubbliku. 

Kuratur Anzjan għall-Etnografija u l-Arti fi ħdan Heritage Malta, Kenneth Cassar qal li ‘Masterpieces at MUŻA’ hija merħba mistħoqqa li Heritage Malta qed tagħti lil dawn it-tlettax-il opra tal-arti.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com