Konsultazzjoni Pubblika – Strateġija Nazzjonali Għal Malta dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità
‘Libertà li Tgħix’, l-Istrateġija Nazzjonali ta’ Malta għall-2021-2030 dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità tnediet formalment għal konsultazzjoni pubblika mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli. Din l-istrateġija ġiet żviluppata mill-Uffiċċju għall-Affarijiet dwar id-Diżabilità (ODI) fi ħdan l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti permezz ta’ grupp ta’ ħidma magħmul minn esperti ewlenin matul l-aħħar snin.
Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li wara konsultazzjoni aktar bikrija f’dan ir-rigward, tħejja dokument li jorbot l-artikoli ewlenin tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (UNCRPD) ma’ objettivi differenti li l-istrateġija tfittex li tara li jinkisbu. Saħqet li minbarra li jirriflettu dawn l-obbligi internazzjonali ta’ Malta, dawn l-objettivi huma marbuta wkoll mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tal-Ġnus Magħquda li huma skedati li jintlaħqu sal-2030, is-sena li ntgħażlet ukoll intenzjonalment għall-iskadenza tal-Istrateġija ta’ Malta. L-obbligi li għandha Malta permezz tal-Qafas ta’ Sendai tal-Ġnus Magħquda jissemmew ukoll b’rabta mal-Azzjonijiet tal-Istrateġija marbuta mal-Ġestjoni u t-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri.
Dr Alistair de Gaetano, responsabbli mill-ODI, semma li t-13-il objettiv differenti tal-istrateġija fihom, f’kull wieħed minnhom, għadd ta’ azzjonijiet differenti, li t-63 li huma kollha marbuta ma’ skedi ta’ żmien speċifiku għall-implimentazzjon filwaqt li jenfasizzaw il-partijiet konċernati ewlenin li għandhom ikunu involuti f’dan ir-rigward. Qal li l-objettivi jsegwu mis-suġġetti differenti koperti fil-Politika Nazzjonali ta’ Malta tal-2014 dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u jindirizzaw materji ewlenin meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-konvenzjoni fil-livell domestiku, b’attenzjoni partikolari għall-partikolaritajiet, il-punti b’saħħithom u l-isfidi ewlenin ta’ Malta.
Element prinċipali enfasizzat mill-istrateġija huwa r-rekwiżit li l-persuni b’diżabilità jkunu l-muturi ewlenin wara din l-istrateġija, f’konformità mal-mantra tal-konvenzjoni: ‘Xejn Dwarna, Mingħajrna’, filwaqt li titwettaq il-wegħda ta’ Aġenda 2030, id-dokument tal-Ġnus Magħquda responsabbli għall-ħolqien tal-SDGs, biex ‘Ħadd Ma Jitħalla Barra’. Filwaqt li dan il-fatt huwa enfasizzat fid-dokument kollu, huwa appoġġat ukoll mill-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità li bħalissa dwaru għaddejja konsultazzjoni pubblika. Dan iwaqqaf forum permanenti għall-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili li miegħu d-diskussjonijiet kollha relatati mal-politiċi u mal-prattiċi marbuta mad-diżabilità f’Malta – inklużi dawk marbuta mal-implimentazzjoni tal-istrateġija – se jitħabbru fil-futur.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Matthew Vella spjega li l-implimentazzjoni finali tal-istrateġija, minbarra li tiżgura l-irwol primarju tal-persuni b’diżabilità, sejra tkun eżerċizzju b’diversi partijiet konċernati, imwettaq permezz tal-mekkaniżmu nazzjonali ta’ koordinazzjoni ta’ Malta, imwaqqaf fit-termini tal-konvenzjoni, u prevvist permezz tal-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Kompla jgħid li din l-istruttura tiżgura ħidma simplifikata bejn l-entitajiet statali u l-ministeri differenti, kemm dawk speċifikati fl-istrateġija kif ukoll oħrajn, sabiex jiġi dettaljat pjan ta’ implimentazzjoni u b’mod ħolistiku jitwettqu l-objettivi tal-istrateġija, filwaqt li jiġu evitati s-sajlos u d-duplikazzjoni tal-isforzi.
Ritratt – Ray Attard