“Kunu Ġusti Ma’ Kulħadd U Kullimkien, Irrelevanti Minn Każin Jew Bar, Pjazza Jew Triq, Bajja Jew Dgħajsa”

 “Kunu Ġusti Ma’ Kulħadd U Kullimkien, Irrelevanti Minn Każin Jew Bar, Pjazza Jew Triq, Bajja Jew Dgħajsa”

Issa li dħalna fl-istaġun tas-sajf il-festi bdew jirrankaw ġmielhom fejn minn issa sa Settembru tibda tiġi ċċelebrata festa kull ġimgħa.

Matul il-ġimgħa li għadiet ġew ċelebrati erbgħa festi fl-Imqabba l-Madonna tal-Ġilju, fiż-Żejtun Santa Katarina, fir-Rabat Corpus Domini u fil-Fontana Għawdex il-Qalb ta’ Ġesu’. Festi li ġew ċelebrati b’mod differenti ferm min dak li mdorrijin naraw però b’mod eżemplari u skond l-protokolli tas-saħħa.

Tkellimna mal-President tas-Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju s-sur Joseph Zammit fejn qalilna, “affaċċjajna sitwazzjoni frustranti, hekk kif is-soċji u l-partitarji baqgħu b’aspettattivi ta’ festa esterna mhux milħuqa, imma b’unur ngħidu li, wara ġimgħa ta’ festeġġjament tradizzjonali kkontrollat, żammejna ambjent sikur kif mitlub mill-awtoritajiet tas-saħħa.” Zammit kompla jgħid li “filwaqt li nittamaw li ma ndumux ma noħorġu mill-gaġġa tal-pandemija li ħakmitna, nittamaw li każini u soċjetajiet oħra jkollhom l-opportunità li jiċċelebraw festi aktar flessibbli mir-restrizzjonijiet imposti preżentement, opportunità li aħna ma kellniex.”

Fl-aħħarnett is-Sur Joseph Zammit appella biex “l-awtoritajiet konċernati ikunu ġusti ma’ kulħadd u kullimkien, irrelevanti minn każin jew bar, pjazza jew triq, bajja jew dgħajsa. Fl-aħħar mill-aħħar, niftakru li l-festa hija r-ruħ tal-kultura Maltija f’diversi rħula u bliet Maltin u Għawdxin, u din issir kollha bi sforz volontarju li jgħaqqad komunitajiet attivi tul is-sena kollha. Ejja ma nrażżnux it-talenti li jiffjorixxu minnha kull sena, imma nżommuhom u nkattruhom bħalissa meta l-aktar għandna bżonnhom.”

Bla dubju għal kumitati żgur li tkun biċċa xogħol iebsa biex tiġi organizzata l-festa b’mod normali, b’diversi kitbu fuq l-mezzi soċjali fosthom is-Sur Elton Zarb President tal-Għaqda Banda Żejtun li din “kienet aktar diffiċli minn festa normali għalina id-diriġenti.”

Prosit lil dawn l-għaqdiet mużikali tal-eżempju u s-serjetà li mxew biha.

Ritratt Prinċipali: Soċjetà Mużikali Madonna tal-Ġilju

Ritratti: Facebook / Beland / Għaqda Banda Żejtun

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com