L-Aħwa Degiorgio Jimplikaw Lil Cardona U Abela F’Reati Serji F’Ittra LIll-Kummissarju Ewropew
Il-ġurnal Times of Malta illum irrapporta li l-aħwa George u Alfred Degiorgio qalu li l-gvern irrifjuta t-talbiet tagħhom għal maħfra minħabba kunflitt ta’ interess, għaliex il-gvern ma jridx jisma’ l-informazzjoni li kellhom dwar l-allegat involviment tal-ex ministru Chris Cardona fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll fl-involviment tal-Ministru Carmelo Abela f’ “reati serji”, inkluż “kompliċità f’serq bl-armi”.
L-aħwa Degiorgio qalu li lesti jipprovdu dettalji dwar l-involviment ta’ Cardona f’komplott moħmi fl-2015, biex tinqatel Caruana Galizia u li qatt ma ġie eżegwit. Dawn id-dettalji jinkludu l-involviment ta’ intermedjarju li ġie nkarigat minn Cardona, il-ħlas li Cardona aċċetta li jħallas u ħlas parzjali li fil-fatt għamel biex il-pjan jseħħ.
Fl-ittra tagħhom, iffirmata mill-avukat William Cuschieri, l-aħwa qalu li l-gvern għandu kunflitt ta’ interess serju biex jiddeċiedi t-talba għal-maħfra minħabba l-fatt li huma qed joffru informazzjoni li turi l-‘involviment tal-istat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-involviment tal-ministri gvern kemm preċedenti u attwali f’reati oħra serji ħafna. Huma qalu li kienu qed joffru informazzjoni bi skambju għall-immunità mill-prosekuzzjoni, b’dettalji tal-involviment taż-żewġ politiċi fir-reati serji.
L-aħwa Degiorgio qalu li lesti jiltaqgħu mal-Kummissarju Reynders jew persuna tal-fiduċja tiegħu, membri tal-Europol, il-Prim Ministru Robert Abela u l-midja biex jispjegaw id-dettalji tal-informazzjoni li kellhom kif ukoll biex jiddiskutu t-tħassib ġenwin tagħhom rigward il-possibbiltà ta’ interess personali biex in-nies li semmew jiġu protetti.
L-aħwa Degiorgio qalu li kellhom informazzjoni dwar l-involviment ta’ Abela u Cardona f’delitti serji oħra, u qalu li huma fil-pussess ta’ evidenza li turi l- “ismijiet u d-dettalji tal-imħuħ ta’ dawk id-delitti”, li tnejn minnhom kienu ż-żewġ politiċi u membri tal-forza tal-pulizija.
B’referenza għall-falliment tal-HSBC tal-2010 li rriżulta fi sparatura mal-pulizija, l-avukat qal li l-klijenti tiegħu kellhom informazzjoni dwar il-ħinijiet u l-postijiet tal-laqgħat preparatorji għas-serqa, dettalji dwar il-pagamenti ppjanati mill-flus kontanti misruqa u kif dan kien se jinqasam fost dawk kollha involuti kif ukoll informazzjoni kunfidenzjali u tagħmir ipprovdut minn Abela li dak iż-żmien kien l-uffiċjal tal-assigurazzjoni tal-bank. Ir-rapport iżid li d-Degiorgio ma pprovdew l-ebda evidenza biex jikkorroboraw it-talbiet tagħhom dwar Cardona u Abela.
It-Times tirrapporta wkoll li Cardona ċaħad kwalunkwe involviment fir-reati msemmija. Hu qal li din kienet l-istess storja antika u għaldaqstant ċaħad kull involviment, direttament jew indirettament, fil-komplott jew l-eżekuzzjoni tal-komplott biex tinqatel Daphne Caruana Galizia jew kwalunkwe involviment fis-serqa tal-HSBC tal-2010.
Abela sostna wkoll iċ-ċaħda tiegħu ta’ kwalunkwe involviment fil-kwistjoni u żied li ma kellu xejn x’jaħbi u jrid li toħroġ il-verità kollha.