L-Anzjani Residenti Fi Djar Tal-Anzjani Se Jirċievu L-€100 Voucher Bħala Kontribuzzjoni Diretta

 L-Anzjani Residenti Fi Djar Tal-Anzjani Se Jirċievu L-€100 Voucher Bħala Kontribuzzjoni Diretta

Nhar is-Sibt 26 ta’ Ġunju l-anzjani residenti fid-djar tal-anzjani pubbliċi kif ukoll privati, se jirċievu l-€100 voucher tal-Gvern f’kontribuzzjoni diretta.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri meta ta dettalji dwar kif se tkun qed titħaddem is-sistema, akkumpanjat mill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u l-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia.

“5,158 anzjan se jirċievu din il-€100 kontribuzzjoni diretta u b’hekk qed ngħinu lil dawn il-persuni b’aktar minn nofs miljun ewro għall-bżonnijiet tagħhom. Wara li kkonsultajna aktar dwar din l-iskema tal-vouchers u wara r-rispons li rċevejna ddeċiedejna li flok nagħtu voucher lil anzjani li joqgħodu fi djar residenzjali ddeċidejna li mmorru għal dan il-metodu għax nifhmu li l-anzjani li joqgħodu fi djar residenzjali jkollhom ċertu bżonnijiet tagħhom, anke fl-isfond tar-restrizzjonijiet” qal il-Ministru Silvio Schembri.

Il-Ministru Michael Falzon stqarr illi dan huwa eżerċizzju ieħor li jikkonferma r-ruħ soċjali ta’ dan il-Gvern. Il-Ministru Falzon spjega li dan il-pagament se jintbgħat fl-istess kont bankarju fejn tidħol il-pensjoni, u min m’għandux IBAN se joħroġ bħala ċekk separat. Skont l-informazzjoni miġbura sal-aħħar ta’ Mejju, li din kienet ukoll il-cut-off date, se jkun hemm 5,086 persuna li se jirċievu dan il-pagament separat—pagamenti li jlaħħqu l-€508,600.

4,530 anzjan se jkun qiegħed jirċievi l-voucher b’mod dirett fil-kont bankarju tiegħu, filwaqt li 556 anzjan se jirċievi dan permezz ta’ ċekk. Kien hemm ukoll anzjani li kienu se jaqgħu taħt din il-kategorija, iżda laħqu niżlu l-app tal-vouchers. B’kollox 84 anzjan niżlu din l-app u għalhekk mhux se jingħatalhom pagament separat.

Il-Ministru Michael Farrugia qal “Irnexxielna llaqmu lill-anzjani kollha f’nofs iż-żmien li kien proġettat. Sal-ewwel ġimgħa ta’ Marzu, tlaqqmu l-anzjani kollha u l-ħaddiema li jaħdmu fid-djar kollha u f’San Vinċenz”. Huwa ħabbar li jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, lejn it-tieni nofs ta’ Lulju, se jkunu tneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fid-djar tal-anzjani.

“Tmien ġimgħat bla ebda każ juri li l-passi li ħadna kienu maħdumin bil-għaqal u nistgħu nħabbru wkoll li qed nippjanaw il-passi li jmiss,” żied jgħid il-Ministru. Stqarr li 96% tal-ħaddiema u iktar minn 99% tal-anzjani residenti f’San Vinċenz huma mlaqqmin. Fid-djar tal-anzjani, kemm tal-gvern, tal-knisja u tal-privat, tlaqqmu kważi 98% tal-anzjani u kważi 94% tal-istaff.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com