L-Appartamenti L-Ġodda Tal-Akkomodazzjoni Soċjali Mhux Se Jkunu Għall-Bejgħ
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar politika ġdida t’allokazzjoni tad-djar il-ġodda tal-akkomodazzjoni soċjali. Dan ġie deskritt bħala jum ġdid għall-qasam soċjali hekk kif din il-politika fi kliem il-Ministru Roderick Galdes, tħares lil min hu fil-bżonn filwaqt li tixpruna l-mobilità soċjali.
Dan tħabbar fid-dawl li issa wasal fi stadju ta’ finalizzazzjoni l-proġett ta’ bini ta’ 1,700 dar ġdida t’akkomodazzjoni soċjali.
Il-Ministru Galdes ħabbar li d-djar il-ġodda mhux se jkunu għall-bejgħ u fl-ebda punt mhu se jkun possibbli li jinxtraw. Sabiex l-Awtorità tad-Djar ssegwi l-progress ekonomiku u soċjali tal-benefiċjarji se jkun qed jiżdied il-moniteraġġ, bil-benefiċjarji jkunu suġġetti għall-verifiki tad-dħul u l-assi tagħhom b’mod regolari f’perjodi stipulati. Il-kirja soċjali se tkun proporzjonali mad-dħul tar-resident.
Sabiex ikun żgurat li l-akkomodazzjoni soċjali tibqa’ disponibbli għal min hu fil-bżonn, is-sistema ta’ rikonoxximent tal-ulied u persuni li jabitaw mal-benefiċjarji se tiġi aġġornata.
Anzjani u persuni oħra li jagħżlu li jpartu d-dar tal-akkomodazzjoni soċjali allokata lilhom ma’ waħda iżgħar se jkunu ukoll mgħejjuna.
Il-Ministru Galdes iddeskriva dik il-politika bħala “rivoluzzjonarja” u spjega kif “Qed ninqatgħu mill-politika tal-passat fejn dawn id-djar kienu jintużaw bħala ballun politiku u ngħaddu għal metodu li joffri fejda għall-isfidi ta’ min qed ibati.”
Il-Ministru tkellem fuq il-bżonn li persuna mhux biss tingħata saqaf fejn tgħix, iżda ukoll fiż-żmien li ġej il-Gvern se jkun qed ikompli jsaħħaħ s-servizzi li jikkumplimentaw l-akkomodazzjoni soċjali.
Ġie mħabbar li l-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni alternattiva naqset kważi bin-nofs u niżlet għal 1,900 persuna.