L-Ewwel Stħarriġ Xjentifiku Dwar Kif Qed Tevolvi L-identità Maltija
Waqt laqgħa nazzjonali ta’ ġurnata li qed issir illum fil-Palazz Verdala taħt il-patronċinju tal-President ta’ Malta u bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-President, qed jitħabbru u jiġu diskussi r-riżultati tal-ewwel stħarriġ xjentifiku tax-xorta tiegħu dwar kif qed tevolvi l-identità nazzjonali Maltija. Il-ħsieb hu li l-istħarriġ, li sar bejn April u Mejju li għaddew, jibda jsir b’mod regolari.
Din l-inizjattiva qed tittieħed mill-istatistiku u lettur universitarju Vincent Marmarà u mill-konsulent dwar il-komunikazzjoni strateġika Lou Bondì.
F’kummenti qabel il-bidu tal-laqgħa Dr Marmarà u s-Sur Bondì kkummentaw: “L-idea tagħna kienet li noħolqu din il-laqgħa nazzjonali b’kollaborazzjoni mal-President ta’ Malta sabiex nifhmu aħjar lin-nazzjon Malti: fejn kien u fejn sejjer. L-ewwelnett, għamilna stħarriġ xjentifiku biex nifhmu aħjar il-qalb, il-moħħ, u ruħ tal-poplu Malti. Ma ridniex insiru nafu l-opinjonijiet fuq dik il-ħaġa jew dak l-avveniment, imma tkixxifna fuq dak li jista’ jwassal għal dawn l-opinjonijiet. Lil hinn mill-istħarriġ, ħloqna diskussjoni maqsuma fuq sitt temi generali li se jagħrblu dawn ir-riżultati u jimirħu lil hinn minnhom. Kuntenti ħafna li qed jieħdu sehem 28 fost l-aqwa mħuħ f’Malta li ġejjin minn oqsma differenti. Fl-aħħarnett, inħossuna onorati li l-President ta’ Malta, il-Prim Ministru, u l-Kap tal-Oppożizzjoni se jagħlqu dil-laqgħa nazzjonali llejla.”
Il-President ta’ Malta, George Vella, irrimarka: “Konvint li din se tkun laqgħa interessanti u importanti ħafna. L-għan tagħha huwa li nitfgħu lis-soċjetà Maltija taħt il-mikroskopju u nanalizzaw kif naħsbuha aħna l-Maltin u l-Għawdxin bħalissa fuq ħafna suġġetti differenti. Se jkollna kelliema kwalifikati ħafna li kull wieħed minnhom se jagħmel analiżi tal-biċċa li tikkonċerna t-taqsima tagħhom. M’għandix dubju li se joħorġu dejta u informazzjoni li, minbarra li se jitfgħu dawl ġdid fuq il-mod kif naħsbuha, se joffru wkoll ħafna materjal għal min irid janalizzah u jiddeċiedi jekk hux ta’ min isegwih biex, jekk hemm bżonn, anki nbiddlu ċerti ħsibijiet li għandna dwarna nfusna bħala poplu.”
L-udjenza fil-Palazz Verdala hija waħda limitata minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, iżda kulħadd jista’ jsegwi l-laqgħa nazzjonali diretta minn fuq il-paġna tal-President ta’ Malta fuq il-Facebook.