L-Ewwel Uffiċċju Tal-AgriConnect Sabiex Jassisti Lill-Bdiewa
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo awgura l-ewwel uffiċċju tal-AgriConnect, uffiċċju li se jassisti lill-bdiewa. Dan l-uffiċċju nfetaħ ġewwa l-Mellieħa iżda s-sena d-dieħla mistennija jinfetħu iktar uffiċini f’lokalitajiet diversi sabiex tkompli tiġi ffaċilitata l-aċċessibbiltà tal-AgriConnect għall-komunità tal-bdiewa u jiġu ndirizzati l-bżonnijiet tal-bdiewa bbażati f’Għawdex u fit-Tramuntana ta’ Malta.
Il-Ministru Anton Refalo spjega li dan is-servizz se jkun ta’ għajnuna għall-bdiewa u r-raħħala li jesperjenzaw diffikultajiet biex ikunu konformi mal-bżonnijiet marbuta mal-Politika Agrikola Komuni magħrufa bħala l-CAP.
Il-Ministru Refalo qal li l-għan ewlieni tal-AgriConnect huwa dak li jiġi żgurat li tintlaħaq konformità xierqa mal-bdiewa biex tiffaċilita u tissodisfa l-bżonnijiet tagħhom. Dawn is-servizzi, li huma bla ħlas, jgħinu lill-bdiewa u r-raħħala jindirizzaw sfidi, diffikultajiet u problemi tekniċi oħra li jiltaqgħu magħhom fl-operat agrikolu tagħhom. Dan isir billi jipprovdulhom l-opportunità li jfittxu informazzjoni personalizzata speċifika u pariri konsultattivi mmirati biex jippromwovu d-diversifikazzjoni fil-ħidma agrikola tagħhom, jipproduċu prodotti ta’ kwalità ogħla, u jinkoraġġixxu l-innovazzjoni settorjarli.
Dan seta’ jsir biss peress li l-AgriConnect kisbet rikonoxximent biex tiffunzjona bħala Farm Advisory Service u b’hekk tista’ tassigura li l-bdiewa u r-raħħala jkunu konformi mar-regolamenti, filwaqt li jutilizzaw il-fondi tal-UE biex jiksbu dan.
Is-servizz offrut mill-AgriConnect huwa ssussidjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali l-EAFRD.
Dawk interessati huma mħeġġa jagħmlu kuntatt fuq 21804981/2/4 jew [email protected].