“L-UE Għandha Toffri Aktar Opportunitajiet Liż-Żgħażagħ F’Pajjiżhom Stess” – Evarist Bartolo
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo illum kellu laqgħa bilaterali mal-Ministru Federali għall-Affarijiet Ewropej u Internazzjonali tal-Awstrija Alexander Schallenberg fejn iddiskutew is-sitwazzjoni fil-Libja u kif pajjiżna u l-Awstrija, flimkien mal-pajjiżi l-oħra membri, jistgħu jgħinu favur il-paċi u s-sigurtà fil-Libja.
Dan wara li l-Libja ilha ssofri minn konsegwenzi ta’ gwerer, b’riżultat ta’ nuqqas ta’ flus fil-but, servizzi bażiċi u mmaniġġjar tal-iskart.
Malta u l-Awstrija qed jerfgħu l-piż u issa jeħtieġ li pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea jagħmlu l-istess biex il-piż tassew jinqasam b’mod ġust u ekwu, saħaq Bartolo fejn aċċenna għal dak li ma ħadimx fil-passat u li mhux se jaħdem issa.
Il-Ministru Bartolo fisser kif qabel xejn, l-Unjoni Ewropea għandha taħdem biex toffri futur liż-żgħażagħ f’pajjiżhom stess, kif ukoll li għandu jingħata aktar sostenn lill-Gvern Libjan biex mhux biss iwaqqaf id-dgħajjes milli jitilqu b’mod illegali, iżda iħares il-fruntiera tan-nofsinhar tal-pajjiż li hija totalment esposta għat-traffikar tal-bnedmin u għall-kriminalità organizzata.
Tenna, li dan kollu filwaqt li għandhom jiżdiedu l-isforzi tar-ritorn u r-ripatrijazzjoni tal-migranti irregolari li ma jikkwalifikawx għall-ażil.