“Ma Għandha Ssir L-Ebda Bidla Bl-Għaġla Dwar Il-Professjoni Legali” – PN

 “Ma Għandha Ssir L-Ebda Bidla Bl-Għaġla Dwar Il-Professjoni Legali” – PN

Fi stqarrija maħruġa minn Joseph Ellis Kelliem għall-Ġustizzja, għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Djalogu Soċjali u x-Xandir Nazzjonali flimkien ma’ Robert Cutajar Whip tal-Grupp Parlamentari ntqal li il-Partit Nazzjonalista jawgura li l-gvern jagħmel pawsa ta’ riflessjoni qabel ma jressaq għall-istadju ta’ kumitat l-abbozz ta’ liġi dwar il-Professjoni Legali.

F’din lis-stqarrija ntqal li diġà huwa fatt serju illi l-gvern ressaq dan l-abbozz mingħajr konsultazzjoni ftit ġimgħat biss wara li l-Parlament kien għadu kemm approva liġi ġdida dwar il-Professjoni Legali. Mingħajr ma ta l-ebda spjega jew ġustifikazzjoni, ftit ġimgħat biss wara li għaddiet din il-liġi, il-Ministru Zammit Lewis ried iħott partijiet importanti minnha.

Ellis u Cutajar qalu li l-Ministru Zammit Lewis ma spjegax għala wara biss ftit ġimgħat, deherlu li għandu jillimita l-warrant għal min jipprattika l-qorti biss u issa jrid joħloq klassi ġdida ta’ min jipprattika l-liġi li ma jkollux għalfejn jgħaddi mill-għarbiel li min japplika għall-warrant irid jgħaddi minnu.

Huma saħqu li l-Partit Nazzjonalista jħoss illi hu fl-interess tal-professjoni legali u tas-soċjetà inġenerali illi l-gvern ma jagħmel l-ebda bidla bl-għaġla, jikkonsulta ma’ min għandu interess u jbiddel il-liġi fejn hu strettament meħtieġ biss.

L-Oppożizzjoni hi lesta li tagħti sehemha f’dan l-eżerċizzju fl-interess kollettiv.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com