Malta Tikseb Deroga Biex Tgħin Iktar Lill-Bdiewa

 Malta Tikseb Deroga Biex Tgħin Iktar Lill-Bdiewa

Malta kisbet deroga li tippermetti aktar għajnuna diretta lill-bdiewa. Dan ġie kkonfermat fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għall-Agrikoltura li saret f’Lussemburgu u li għaliha attenda l-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo.

Din id-deċiżjoni kienet riżultat ta’ diskussjonijiet dwar l-allokazzjoni ta’ €3 miljun f’Appoġġ Akkoppjat Volontarju, hekk kif kien maqbul fl-Approċċ Ġenerali tal-Kunsill ta’ Ottubru li għadda. Permezz ta’ dan l-appoġġ, il-gvern Malti jista’ jiżgura li jintlaħqu l-miri tal-istrateġija tal-‘Farm to Fork’ li timmira għal katini tal-provvista iqsar u sigurtà alimentari akbar, filwaqt li tassigura s-sostenibbiltà tas-settur.

Il-Ministri aċċettaw il-ftehim proviżorju dwar l-elementi ewlenin tar-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK), li ntlaħaq mal-Parlament Ewropew.

Minkejja li din ma kinitx sfida faċli u xi kwistjonijiet jeħtieġu aktar diskussjonijiet tekniċi, il-kompromess li sar kien kważi aċċettabbli għall-istati membri kollha. Il-pakkett il-ġdid għandu jkun strumentali biex jgħin lill-bdiewa Ewropej jiffaċċjaw l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom matul is-snin u jgħinhom ikomplu jipprovdu s-sigurtà tal-ikel.

Malta assigurat ukoll li d-definizzjoni taż-żoni rurali tkun determinata mill-istati membri fil-Pjan Strateġiku. B’hekk ikun żgurat li ż-żoni rurali ta’ Malta jkomplu jibbenefikaw mill-fondi għall-iżvilupp rurali u jindirizzaw ir-realtajiet territorjali tagħhom.

Element ġdid f’din ir-riforma kien l-introduzzjoni tal-eko-skemi. Hawn Malta wkoll għamlet kisba importanti bil-garanzija li jkun hemm il-flessibbiltajiet neċessarji, inkluż mekkaniżmu tar-rebate, li jirrikonoxxi l-isforzi li l-bdiewa diġà qed jagħmlu fit-tieni Pilastru tal-PAK. Ġiet ikkonfermata wkoll id-deroga li teżenta lill-bdiewa żgħar minn ċertu obbligi ambjentali u b’hekk jonqos il-piż amministrattiv.

Il-Kunsill adotta ukoll b’mod formali fir-Regolament Ewropew iż-żieda ta’ kważi 1,500 tunnellata fl-allokazzjoni tal-ammont massimu ta’ tonn li jista’ jidħol fl-irziezet Maltin fl-istaġun ta’ din is-sena. Din kienet deċiżjoni li l-gvern Malti nnegozja b’suċċess fix-xhur li għaddew, liema deċiżjoni se tagħti nifs ġdid lis-settur tat-tonn f’pajjiżna.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com