Malta Tirreġistra L-Aqwa Prestazzjonijiet F’Kampjonati Ewropej Tat-Timijiet
It-Tim Nazzjonali Malti tal-atletika rreġistra l-aqwa prestazzjoni fil-Kampjonati Ewropej tat-Timijiet li saru barra minn xtutna, bis-sitt post minn sittax-il assoċjazzjoni fit-Third League li sar fi tmiem il-ġimgħa f’Limassol, Ċipru. Malta kisbet punteġġ totali ogħla minn nazzjonijiet akbar bħal Ġorġja, il-Montenegro u l-Ażerbajġan. Is-Serbja, il-Moldova u Ċipru kisbu l-ewwel tliet pożizzjonijiet u allura l-promozzjoni għall-istaġun li ġej.
L-atleti Maltin kisbu numru ta’ prestazzjonijiet eċċellenti għall-pajjiżhom, u kisru tliet rekords nazzjonali u għadd ta’ rekords staġjonali u personali. Prestazzjoni li ċertament se tibqa’ mfakkra se tkun dik ta’ Jordan Gusman li rebaħ it-tellieqa tat-3,000 metru f’ħin ta’ 7’53”70, fejn mhux biss waqqaf rekord nazzjonali iżda kiseb l-aqwa ħin fl-erba’ diviżjonijiet tal-Kampjonati Ewropej tat-Timijiet, inkluż tas-Super League. Il-kontribuzzjoni ta’ Gusman għall-kuluri nazzjonali inkludiet ukoll it-tieni post fit-tellieqa tal-1,500m f’ħin ta’ 3’50”38.
Iż-żewġ rekords nazzjonali l-oħra twaqqfu minn Daniel Saliba fil-110m hurdles (14.96s) u Peppijna Dalli b’qabża ta’ 3.80m fil-Pole Vault, fejn spiċċat it-tieni.
Riżultati tajbin ħafna nkisbu wkoll mit-tim tar-relay tan-nis fil-4x100m. It-tim, iffurmat minn Claire Azzopardi, Carla Scicluna, Sarah Busuttil u Charlotte Wingfield, spiċċa fit-tielet psot b’46.27s. Claire Azzopardi kisbet it-tielet post fil-long jump (5.84m), l-istess pożizzjoni ta’ Lisa Bezzina fit-tellieqa tal-5,000 metru, rekord staġjonali ta’ 17’21”06.
Fost l-atleti emerġenti, Carla Scicluna spiċċat ir-raba’ fil-200m b’Personal Best ta’ 24.77s filwaqt li Dillon Cassar, atleta li ċertament huwa prospett importanti għall-pajjiżna, daħal fil-ħames post kontra avversarji ta’ livell ferm għoli fil-5,000 metru. B’ħin ta’ 14’34”93, huwa kiser l-aqwa ħin personali tiegħu u kien inqas minn nofs sekonda bogħod minn rekord nazzjonali li ilu hemm għal 26 sena.
Il-parteċipazzjoni tat-tim nazzjonali Malti fil-Kampjonat Ewropew tat-Timijiet f’Ċipru kien possibbli bl-appoġġ tal-Kumitat Olimpiku Malti u Sport Malta.
Ritratt: Athletics Malta