Mara Toqtol Lir-Raġel Li Abbużaha Għal Bosta Snin
Fi Franza bħalissa għaddej il-ġuri ta’ mara Franċiża, Valerie Bacot li qatlet lir-raġel li abbużaha għal bosta snin. Dan ir-raġel kien it-tieni raġel t’ommha u iktar tard sar ukoll ir-raġel ta’ Bacot.
Bacot kellha biss 12-il sena meta Daniel Polette beda jabbużaha sesswalment. Kien mar il-ħabs għal xi żmien iżda imbagħad reġa rritorna id-dar tal-familja fejn allegatament reġa’ kompla l-abbuż u ħariġha tqila għall-ewwel darba fl-età ta’ 17-il sena.
Il-mara tallega li Polette ġegħelha tiżżewġu u kien abbużiv. Tammetti li fl-2016 kienet qatlitu billi sparatlu b’pistola tiegħu stess waqt inċident ma’ klijent meta allegatament huwa kien ukoll ġegħelha taħdem bħala prostituta.
Il-mara ħbiet il-katavru bl-għajnuna ta’ tnejn minn ulieda, iżda fl-2017 kienet arrestata u ammettiet l-qtiel.
L-avukati ta’ Bacot jgħidu li l-vjolenza li soffriet għal 25 sena u l-biża li bintha se tista’ tkun il-vittma li jmiss, wassluha sabiex twettaq dan il-qtil.
Iktar minn 600,000 persuna ffirmaw petizzjoni sabiex jitolbu għal ħelsien tal-mara.
X’taħsbu intom dwar dan?
Ritratt: TFI