“Meta L-Politika Tegħleb Ix-Xjenza” – Il-Ministru Evarist Bartolo
Il-Ministru Evarist Bartolo esprima ruħu fuq il-midja soċjali fir-rigward tad-deċizzjoni tal-Ministeru tas-Saħħa tar-Renju Unit li ma jridx li turisti Brittaniċi jivvjaġġaw għall-vaganzi lejn pajjiżi oħra din is-sena.
Dan fid-dawl li l-ġimgħa l-oħra l-Brittaniċi rrevedew il-lista l-ħadra billi għażlu li ma jżidu l-ebda pajjiż ġdid u neħħew lill-pajjiż tal-Portugal minn din il-lista.
Ġie rappurtat li s-Segretarju tal-Ambjent tal-Gvern Ingliż, George Eustice stqarr kif l-pubbliku għandu jkun konxju mir-riskji li jġib miegħu l-invjaġġar barra mill-pajjiż. Għalhekk ħeġġiġhom sabiex il-vaganza tagħhom jagħmluha f’pajjiżhom stess.
Il-Ministru Evarist Bartolo aċċena għal fatt li l-Gvern Brittaniku ma fetaħx l-ivvjaġġar lejn Malta, minkejja li seta’ jagħmel dan skont il-Joint Biosecurity Centre. Skont dan iċ-ċentru li jagħti pariri xjentifiċi, il-Gvern Britanniku seta’ fetaħ it-turiżmu lejn Malta u t-turisti ma kienx ikollhom bżonn jagħmlu kwarantina mar-ritorn tagħhom. Dan fid-dawl tar-rata baxxa ħafna t’infezzjonijiet li bħalissa hawn f’pajjiżna.
Il-Ministru Bartolo jistqarr kif il-Gvern Britanniku “mhux qed joqgħod fuq pariri xjentifiċi. Ħa deċizjoni politika li ma jiftaħ l-ivvjaġġar lejn imkien iżjed minkejja li għandu pressjoni mil-linji tal-ajru, operaturi turistiċi u ċittadini nfushom biex jagħmel dan.”
Għaldaqstant, fl-opinjoni tal-Ministru Bartolo, ma jagħmilx sens min jgħid li dan kollu seħħ għax il-Gvern Malti ma ħadimx biżżejjed, “Il-problema mhix aħna. Iżda huma għax l-infezzjonijiet tagħhom reġgħu telgħin.”
Ritratt: Anadolu Agency