Mil-Lum Tista’ Issarraf Il-€100 Vawċers Tal-Gvern
Mil-lum il-pubbliku li għażel li jniżżel il-€100 vawċers tal-Gvern onlajn jista’ jibda jsarraf dawn il-vawċers fl-istabbilimenti, akkomodazzjonijiet u ħwienet eliġibbli madwar Malta u Għawdex. Dan qiegħed isir b’investiment ta’ €50 miljun, għat-tieni sena konsekuttiva. Wieħed għandu ċ-ċans li jsarraf dawn il-vawċers sal-15 ta’ Settembru 2021.
Għal dawk l-individwi ’l fuq minn 16-il sena li għażlu li ma jniżżlux il-vawċers onlajn se jkunu qegħdin jirċievu l-vawċers stampati b’mod awtomatiku, permezz ta’ posta rreġistrata fl-indirizzi residenzjali, wara il-ġurnata tal-lum.
Mil-lum ser nerġgħu naraw il-ftuħ tal-bars sal-ħin ta’ nofsillejl filwaqt li ser jiftħu t-teatri, iċ-ċinema u l-istabbilimenti tal-logħob. In-numru massimu ta’ persuni madwar mejda f’ristorant jew snack bar se jitla’ għal sitta. L-istess numru japplika mill-lum fir-rigward ta’ grupp ta’ persuni fil-pubbliku.
Mil-lum ukoll se jkunu jistgħu jsiru kompetizzjonijiet sportivi u sport li jinvolvi kuntatt fiżiku u f’timijiet. Dan japplika għall-persuni li għandhom 17-il sena jew aktar u ma jistax ikun hemm spettaturi.
Ritratt: One News