Naħdmu Flimkien Biex Noħorġu Lil Pajjiżna Mil-Lista L-Griża – Dr. Bernard Grech
Wara li lbieraħ fl-aħħar ħinijiet il-Kap tal-PN ddeċieda li jibqa’ Malta wara l-vot tal-FATF biex ilaqqa’ l-grupp parlamentari, llum l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr. Bernard Grech attenda għas-summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) b’mod virtwali.
Dr. Grech spjega kif għażel li jibqa’ Malta minflok imur Brussell, biex jkun jista’ jibda jiltaqa’ mill-ewwel mal-imsieħba soċjali.
Fl-indirizz tiegħu lill-PPE, Dr. Bernard Grech tkellem fit-tul mal-mexxejja tal-pajjiżi Ewropej dwar dak li ġara u dwar kif nistgħu noħorġu lil pajjiżna mil-lista l-griża tal-FATF.
Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar il-pandemija tal-COVID-19 u kif din qed taffetwa lil pajjiżna u lill-Ewropa b’mod ġenerali. Bernard Grech emfasizza fuq l-importanza taċ-ċertifikat tal-vaċċin b’iktar vjaġġar komdu bejn il-pajjiżi.
Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-imiggrazzjoni għaliex din qed taffetwa lil diversi pajjiżi b’mod partikolari lil Malta. Il-Kap tal-PN appella biex il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jaħdmu flimkien biex ma jirbħux it-traffikanti fuq l-immigranti u fuq il-pajjiżi u ċ-ċittadini ewropej.
Takkumpanja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt dan is-summit kien hemm is-Segretarju Internazzjonali tal-PN, Roselyn Borg Knight.