Neil Agius Illejla Jibda L-Għawma Biex Jipprova Jikser Rekord Dinji

 Neil Agius Illejla Jibda L-Għawma Biex Jipprova Jikser Rekord Dinji

Illejla fil-5p.m. l-għawwiem Malti Neil Agius jibda sfida oħra, din id-darba bit-tama li jikser ir-rekord dinji tal-itwal għawma, kontinwa, bla assistenza, f’rotta waħda f’oċean, fil-baħar jew f’bajja miftuħa.

Minħabba t-temp ħażin, Neil Agius kellu jibdel ir-rotta fl-aħħar sigħat. Ir-rotta oriġinali kellha tieħu lil Neil mill-villaġġ ta’ Hawaria, fit-Tuneżija, sal-villaġġ ta’ Kartibubbo fi Sqallija, distanza ta’ madwar 153 kilometru. Neil issa ser jitlaq minn Linosa u jaqdef għal Malta, fuq distanza ta’ madwar 130 kilometru.

Jekk jirnexxielu jegħleb din l-isfida, allura Neil jikser ir-rekord dinji ta’ 124.4 kilometri. Għalkemm id-distanza hija inqas minn dik oriġinali, Neil Agius qal li dan mhu ser jibdel xejn mill-isfida. Qal li xorta waħda qed jikkalkulaw li jieħu bejn 50-55 siegħa t’għawm kontinwu sabiex jasal f’pajjiżna.

Neil Agius huwa mistenni jitlaq minn Linosa (gżira żgħira fil-baħar Mediterran qrib l-Afrika) fil-17:00 u mistenni jasal Malta tard l-Erbgħa filgħaxija, bejn is-19:00 u nofsillejl.

Is-sajf li għadda Neil Agius sar it-tieni persuna li qatt għam minn Sqallija sa Malta u għamel dan f’ħin rekord ta’ 28 siegħa, 7 minuti u 27 sekonda.

Fl-2018 kien għam 70 kilometru madwar Malta, għawma li ħaditlu kważi ġurnata sħiħa, meta dam 22 siegħa fl-ilma. Is-sena ta’ wara l-isfida kienet iqsar, ta’ 38 kilometru madwar il-gżira Għawdxija, liema sfida lestieha f’10 sigħat.

F’Diċembru li għadda rnexxielu jaqsam minn Għawdex għal Malta f’sagħtejn, waqt li kien qed jiġbed lil sieħbu fuq paddleboard liebes ta’ Santa Klaws.

Neil Agius ser jagħmel din l-isfida f’isem il-Wave of Change Malta u #DoubletheWave. Il-pjan hu li jinġabru miljun biċċa tal-plastik.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com