Niftakar Meta – Proġett Ta’ Nostalġiji Minn Daniel Mangani
Hekk nibdew b’dawn il-kelmiet kull meta rridu nirrakkuntaw xi tifkira għażiża u xi mument ta’ nostalġija. Tifkiriet ikollu kulħadd, ta’ min sbieħ u ta’ min forsi inqas. Kull tifkira tqanqal emozzjoni u kull tifkira nħarsu lejha bħala esperjenza diretta tal-ħajja.
Dak li għamel Daniel Mangani, billi kważi ħames snin ilu beda proġett fuq Facebook ħalli jiġbor tifkiriet qosra. Dawn it-tifkiriet, ħafna minnhom ibbażati minn esperjenzi personali, huma fl-istess ħin komuni mal-ħajja ta’ ħafna oħrajn.
Dawn it-tifkiriet iġibu magħhom tbissima speċjalment meta tinnota kemm l-affarijiet u l-ħajja kienu tassew differenti u sempliċi.
Kif jgħid l-istess awtur “Kulhadd għadda mit-tfulija u miż-żgħożija, u l-ħajja mgħaġġla kif inhi illum il-ġurnata, faċli tnessik ħafna mil-memorji u tifkiriet li tkun ghaddejt minnhom. L-iskop tal-pagna ‘Niftakar Meta’ huwa appuntu sabiex inħallu dawn il-memorji jibqgħu jiġġeddu u b’xi ftit nostalġija nerġgħu niftakru f’meta l-affarijiet sempliċi kienu ħafna.
Eventwalment dan il-proġett kompla jikber, u minn tifkiriet qosra, ħareġ proġett ieħor bħala blogg. Il-blogg, fuq l-istess tema u isem, jieħu l-forma ta’ stejjer qosra. Il-praspar tat-tfulija, is-sempliċita’ tal-ħajja kif ukoll il-mumenti nostalġiċi tal-awtur li huma familjari ma’ kulħadd.
Proġett interessanti ukoll li ser jkompli jfakkar dawn it-tifkiriet huwa programm ġdid għar-radju. Fil-fatt, Daniel ikkonfermalna li mis-7 ta’ Lulju u kull nhar ta’ Erbgħa fit-8.30 ta’ filgħaxija, ONE Radio ser jkun qed ixandar programm live li jġib appuntu l-istess isem – Niftakar meta – Ġabra ta’ tifkiriet nostalġiċi. Matul dan il-programm ser jiġu rrakuntati tifkiriet partikulari dwar suġġett li jinbidel kull ġimgħa. Is-semmiegħa ukoll ser jkollhom l-opportunita’ li jgħidu tagħhom waqt dan il-programm, li diġà qed jqanqal ċerta nteress mal-qarrejja ta’ Niftakar meta.
Il-paġna NIFTAKAR META fuq Facebook jkollha tifkiriet regolari, waqt li l-blogg bl-istess isem, ikollu storja kull ġimgħa.
Paġna ta’ Facebook – https://www.facebook.com/niftakarmeta
Blogg – https://niftakarmeta.blogspot.com/
Grazzi Daniel ta’ dawn in-nostalġiji sbieħ.
Ritratt Prinċipali: livinginmalta.com