Opportunitajiet T’Apprendistat Lill-Istudenti, B’Investiment Ta’ €2.75 Miljun

 Opportunitajiet T’Apprendistat Lill-Istudenti, B’Investiment Ta’ €2.75 Miljun

Il-Gvern iqis l-apprendistat bħala għodda importanti ferm għaliex jgħin lill-istudenti sabiex iwettqu fil-prattika dak li jkunu studjaw. Għaldaqstant dan jgħin sabiex isir it-tranżizzjoni tal-persuna mill-bank tal-iskola għall-post tax-xogħol.

Għal dan il-għan, il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, flimkien mal-Ministeru għall-Edukazzjoni, qed jallokaw baġit ta’ €750,000 għal din is-sena u €2 miljun għas-sena 2022 bħala appoġġ għall-apprendistat permezz tal-MCAST.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Justyne Caruana spjegat li dan il-pjan t’għajnuna “huwa indirizzat għall-industrija biex ninkoraġġixxu li dawn jagħtu opportunitajiet ta’ apprendistat lill-istudenti wara dan iż-żmien ta’ sfidi li kellna minħabba l-pandemija”.

Il-Ministru Caruana qalet li dan l-investiment m’huwiex biss fl-istudent, imma wkoll fis-settur privat “għaliex nemmnu li s-settur privat, meta jimpjega lill-apprendisti, jkun qed joffri wkoll opportunità ta’ impjieg u dan huwa l-bażi u l-qofol tal-ħidma tagħna bħala gvern. Dik li jkollna edukazzjoni b’saħħitha, settur tax-xogħol b’saħħtu, u għalhekk ekonomija ta’ pajjiżna li tkun b’saħħitha”.

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana qal li din l-għajnuna hija importanti ferm sabiex id-differenza bejn id-domanda u l-provvista ta’ studenti, li qed tiġi esperjenzata minħabba l-pandemija tiġi indirizzata, “Dan l-inċentiv finanzjarju qed nagħtuh sabiex inkomplu nagħmlu l-kuraġġ lill-industrija ħalli tkompli tinvesti fit-talent Malti.”

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, Clyde Caruana spjega kif matul l-aħħar tmien snin, il-finanzi ta’ pajjiżna ssaħħu għaliex ġie msaħħaħ is-suq tax-xogħol. Għalhekk, permezz ta’ skemi bħal dawn, ladarba studenti Maltin ikunu qed jistudjaw u eventwalment isibu ruħhom fuq il-post tax-xogħol, l-attività ekonomika li se jkunu qed jiġġeneraw se tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta’ pajjiżna.

Il-Kap Eżekuttiv u Prinċipal tal-MCAST, il-Professur Joachim James Calleja qal li dan huwa impenn straordinarju u l-prattika fuq il-post tax-xogħol għall-istudenti hija l-qofol ta’ dak li l-MCAST jemmen fih. “Huwa kruċjali li niżguraw li l-istudenti jkollhom esperjenza hands-on li hija parti siewja mit-tagħlim li huma jieħdu. Bħala Kulleġġ, se nkomplu naħdmu biex insaħħu l-lista ta’ sħab tagħna fl-industrija, li llum tlaħħaq madwar 1,463 kumpanija. Bħalissa għandna 1,675 student li huma ngaġġati bħala apprendisti, u se nkomplu naħdmu biex niżguraw li aktar studenti jibbenefikaw mill-apprendistat.”, temm jgħid Prof. Calleja.

Ritratt Prinċipali: The Italian Times

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com