Plejer Tad-Danimarka Jintilef Minn Sensih Waqt Il-Partita Bejn Id-Danimarka U L-Fillandja
Mument xokkanti waqt it-tielet partita tal-Euro 2020 bejn id-Danimarka u l-Fillandja meta l-plejer tad-Danimarka Christian Eriksen fit-43 minuta waqa’ minn tulu fl-art waħdu.
Kien fil-mument x’ħin Eriksen kien qiegħed joqrob lejn il-linja laterali sabiex jirċievi ballun minn thrown-in x’ħin deher jaqa’ fl-art.
Malli l-plejers indunaw b’li ġralu Eriksen mill-ewwel għajtu lit-tobba u l-fiżjoterapisti Daniżi u daru mal-midfielder. Kienu diversi l-plejers li dehru bid-dmugħ f’għajnejhom u ma jistgħux jemmnu dak li kienu qed jesperjenzaw.
Minbarra l-plejers, kemm l-uffiċjali tal-logħba u anke dawk kollha li kienu fil-grawnd dehru maħsuda b’dak li kienu qed jaraw iseħħ quddiemhom. Magħhom kien hemm il-mara t’Eriksen, Sabrina Kvist li dehret tibki mat-touchline, bil-captain Kjaer u l-goalkeeper Schmeichel isabbruha.
Wara minuti ta’ tensjoni l-plejer t’Inter inħareġ mill-grawnd. Christian Eriksen deher ħiereġ mill-grawnd fuq stretcher bl-ossiġnu ma’ ħalqu u għajnejh dehru miftuħin.
Il-UEFA ħabbret li l-logħba ġiet sospiża filwaqt li l-plejers u l-uffiċjali tal-logħba rritornaw lura fid-dressing room.