Ponte Ferries Se Jibda Bil-Vjaġġi Lejn Sqallija Bi Prezz Ta’ €9.99 Bla Ritorn
Il-kumpanija Ponte Ferries li f’Awwissu li ġej se tibda topera servizz ta’ trasport bil-baħar bejn Malta u Sqallija ħabbret li mil-lum bdiet tbigħ il-biljetti tagħha minn prezz li jibda b’€9.99 bla ritorn.
Permezz tal-katamaran HSC Artemis, mis-6 ta’ Awwissu li ġej, Ponte Ferries se tibda topera vjaġġ ta’ kuljum bir-ritorn lejn il-port ta’ Augusta, fi Sqallija li jinsab qrib Catania.
Il-katamaran jista’ jgħabbi sa 600 passiġġier u għandu wkoll spazju biex jgħabbi l-karozzi u t-trakkijiet. Il-katamaran għandu wkoll post speċifiku għall-ġarr tal-annimali, żona għat-tfal żgħar b’superviżjoni u club class lounge li hu state-of-the-art.
Kelliem għall-kumpanija qal li jinsabu ħerqana biex idaħħlu l-kompetizzjoni f’dan is-suq fl-eqqel tal-istaġun tal-btajjel.
Qal li l-konsumaturi se jgawdu minn prezzijiet irħas, imfassla fuq mudell simili għal dawk tal-linji tal-ajru low-cost u li b’dawn il-vjaġġi, it-trasport lejn Sqallija se jsir ħafna iktar faċli, konvenjenti u affordabbli.