Proġett ta’ €170 miljun Sabiex Tirdoppja L-Provvista Tal-Enerġija

 Proġett ta’ €170 miljun Sabiex Tirdoppja L-Provvista Tal-Enerġija

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli b’investiment ta’ €170 miljun, ħabbret fażi oħra fil-pjan tal-gvern fis-settur tal-enerġija għal pajjiżna permezz tat-tieni interconnector.

Ilbieraħ waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-istazzjon tal-Enemalta fil-Magħtab, il-Ministru Dalli ħabbret li l-Kabinett tal-Ministri, mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, ikkonferma l-proposta biex Malta tmur għat-tieni interconnector bħala parti minn pjan akbar fil-qasam tal-enerġija.

Il-Ministru spjegat kif “Din id-deċiżjoni se tkun qed issaħħaħ ir-rabta ta’ Malta mal-kontinent Ewropew biex pajjiżna jirdoppja l-konnettività tiegħu mal-grid Ewropea tal-enerġija u nkomplu nsaħħu s-sigurtà tal-provvista”.

It-tieni interconnector se jkollu kapaċità ta’ 200MW, b’konnessjoni simili għal dik tal-ewwel interconnector. Il-gvern diġà ħejja l-infrastruttura tat-tieni interconnector meta sar ix-xogħol fuq l-ewwel wieħed. Dawn ix-xogħlijiet preparatorji jinkludu r-reactor u l-bażi għal switchgear f’Ragusa u l-iswitchgear u l-kontrolli f’Malta.

Il-Ministru Dalli spjegat il-bżonn li nkomplu niddiversifikaw u nsaħħu s-sorsi tagħna filwaqt li l-konsumatur jibqa’ fiċ-ċentru tal-politika sabiex ikollna inqas tniġġis mill-ġenerazzjoni u l-użu tal-enerġija u tiġi ndirizzata d-domanda li tiġi mit-tkabbir ekonomiku. Il-Ministru qalet li dan għandu jsir “fl-istess ħin li pajjiżna jkun imħejji għad-domanda mill-elettrifikazzjoni tal-vetturi u l-proġetti ta’ shore-to-ship. Permezz tat-tieni interconnector, pajjiżna se jkun kapaċi jnaqqas l-emissjonijiet mis-settur tal-produzzjoni tal-enerġija b’58%”.

Il-Ministru elenkat il-pilastri ewlenin li l-pjan tal-enerġija ta’ dan il-“gvern għan-nies” hu mibni fuqhom: “id-diversifikazzjoni fis-sorsi, is-sigurtà tal-provvista u stabbiltà fil-prezz għall-familji u negozji, id-dikarbonizazzjoni, u li nżommu lill-konsumatur fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet.”

Fost ix-xogħol li se jkun qed isir issa, se jkun qed jiġi aġġornat id-disinn tekniku tal-2015, isir l-istudju ta’ qiegħ il-baħar, jinħareġ it-tender, u jiġu mġedda l-permessi tal-iżvilupp, kemm f’Malta kif ukoll fl-Italja. Dan kollu qed isir fuq studju komprensiv li ħares lejn id-domanda għall-provvista tal-enerġija għall-15-il sena li ġejjin. L-istudju ħares lejn numru ta’ għażliet għall-konnettività, ir-riskji u l-vantaġġi. Il-konnessjoni ma’ Ragusa tfisser anqas riskji u toffri l-aħjar stabbilità fil-grid.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com