Projbizzjoni Ta’ Riklami Ta’ ‘Junk Food’ Qabel Id-9pm
Fl-aħħar tas-sena d-dieħla mistennija tidħol projbizzjoni fl-Ingilterra sabiex ma jsirux riklami ta’ ikel mhux sustanzjuż jew kif ħafna jirreferu għalih bħala ‘junk food’, qabel id-disa’ ta’ filgħaxija fuq it-televiżjoni. Mistennija jiżdiedu ukoll restrizzjonijiet onlajn. Jidher li dan qiegħed isir fi sforz sabiex tiġi miġġielda l-obeżità. Riċerka ta’ NHS turi li kważi żewġ terzi tal-popolazzjoni adulta f’Ingilterra għandhom piż żejjed jew huma obeżi. Iżda din il-projbizzjoni tmur ’l hinn minn dak li kien propost is-sena l-oħra; il-projbizzjoni totali ta’ dawn ir-riklami. Kumpaniji kbar mhux ser jitħallew jirrikklamaw ikel għoli fix-xaħmijiet, żokkor u melħ onlajn, iżda negozji żgħar li jħaddmu inqas min 250 ħaddiem se jkunu eżenti minn din il-projbizzjoni.
Il-kumpaniji xorta waħda jistgħu jirriklamaw il-prodotti tagħhom fuq il-siti rispettivi tagħhom u l-midja soċjali.
Wieħed jinnota kif xorta waħda jista’ jsir riklamar fuq stazzjonijiet tar-radju li jxandru onlajn, hekk kif hawnhekk is-semmiegħa jisimgħu biss ir-riklam mingħajr ma jaraw l-istampi tal-prodott.
Jidher li dan qiegħed isir ukoll sabiex it-tfal, li llum iqattgħu ħafna ħin fuq l-internet ma jiġux imħajra jieklu ikel mhux sustanzjuż. Skont l-estimi tal-Gvern Ingliż tfal taħt is-16-il sena kienu esposti għal 15-il biljun riklam ta’ ikel mhux sustanzjuż fl-2019. Dawn l-estimi xokkanti huma kkumparati m’estimi ta’ sentejn qabel; madwar 700 miljun riklam.
Intant, intom taqblu ma’ din it-tip ta’ projbizzjoni?
Ritratt: Food Navigator