Qabel Inqatlet DCG, Azzopardi Kien Qabbad Awtur Jikteb Ir-Reċta ‘Min Qatel Lil Daphne Caruana Galizia?’
Waqt il-programm Xarabank online, f’intervista ma’ Peppi Azzopardi, Mario Philip Azzopardi tkellem dwar meta ttella’ l-qorti minħabba skript dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, li kien talab lil awtur Malti sabiex jikteb.
Huwa spjega kif fil-passat inkitbu reċti kontroversjali ta’ dan it-tip fuq livell internazzjonali, bħal pereżempju ‘The Assassination of Margaret Thatcher’. Fis-snin qabel inqatlet Daphne, ispirat minn din l-idea, Azzopardi talab awtur Malti sabiex jikteb il-play ‘Min qatel lil Daphne Caruana Galizia’. Wara li qara’ l-ewwel 10 faċċati tal-iskript, Azzopardi ħass li ma kinitx tal-livell li xtaq hu, u b’hekk l-istorja waqfet hemm.
Iżda minħabba li eventwalment il-ġurnalista Caruana Galizia verament ġiet assassinata bl-aktar mod brutali f’pajjiżna, Mario Philip Azzopardi ttella’ l-qorti fuq akkużi li kien qed jippromwovi dan il-qtil u sabiex jispjega għalfejn kien tella’ din ir-reċta. Huwa nsista li minkejja li kien hemm il-ħsieb li ssir, din ir-reċta effettivament qatt ma ġiet imtella’.
Filwaqt li kkundanna l-qtil ta’ Daphne u saħaq li dan huwa att kriminali u li jeħtieġ li kull min kien ivolut iħallas, huwa ddeskriva lil Daphne Caruana Galizia bħala mara li “kissret in-nies u għamlet ħsara kbira”, huwa qal li hija ma jistħoqilix it-titlu ta’ ġurnalista.