Raġel Arrestat B’Rabta Ma’ Serq Minn Vetturi u Anke Ħsara Fuqhom
Fi stqarrija mill-Korp tal-pulizija, intqal li wara ħidma konġunta bejn il-Pulizija tad-Distretti ta’ Ħal Qormi u ta’ Raħal Ġdid, ġie arrestat raġel ta’ 33 sena li jgħix Ħal Għargħur, wara li allegatament wettaq numru ta’ serqiet minn vetturi f’Ħal Qormi, f’Ħal Luqa u Raħal Ġdid.
Il-każijiet seħħew bejn is-6 u s-17 ta’ Ġunju, 2021, fejn mill-vetturi nsterqu għodda, dokumenti u flus, kif ukoll saret ħsara fuq l-istess vetturi.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta wkoll li l-persuna arrestata allegatament wettqet ukoll serqa minn uffiċċju f’Ħal Luqa.
Ir-raġel ġie arrestat waqt li l-Pulizija tad-Distrett ta’ Ħal Qormi kienu qegħdin jissorveljaw persuna suspettuża fil-viċinanzi ta’ Triq l-Iljun, Ħal Qormi, hekk kif allegatament kien se jipprova jisraq minn xi vetturi.
Illum, għall-ħabta tal-11.00, ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Claire Stafrace Zammit. Il-prosekuzzjoni se tkun qed titmexxa mill-Ispetturi Roderick Agius u Sarah Kathleen Zerafa.