Raġel Fil-Periklu Tal-Mewt Wara Li waqa’ Bil-Mutur Fil-Mini Ta’ Ħal Kirkop
Raġel jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kellu inċident fil-mini ta’ Ħal Kirkop ilbieraħ filgħaxija. Il-Pulizija qalet li kienet infurmata bl-inċident għall-ħabta tal-5.30pm.
Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post u l-ewwel investigazzjonijiet juru li raġel ta’ 57 sena li jgħix Ħal Tarxien, tilef il-kontroll tal-mutur Aprilia li kien qed isuq u nqaleb.
Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar tard hu ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello li ħatret Inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.