Raġel Jeħel 18-Il Sena Ħabs, Flok 40 Sena Wara Li Ħanxar Għonq Tfajla
Abdelsalam Rawad Briga, Libjan ta’ 36 sena ġie kkundannat 18-il sena ħabs wara li ħanxar għonq tfajla waqt li kien qiegħed iwettaq serqa fuq żewġ tfajliet. L-appell ta’ Briga kien miċħud hekk kif l-imħallfin ħadu fil-konsiderazzjoni tagħhom il-fatt li l-vittma għamlet perjodu fil-periklu tal-mewt, kif ukoll sabet diffikultà sabiex twettaq ix-xogħol tagħha t’interpretu minħabba l-ġrieħi li ġarrbet.
Il-każ seħħ fl-2016 f’San Ġiljan bir-raġel jattaka tfajla Maltija ta’ 25 sena u ħabibitha, Pollakka ta’ 33 sena. Minkejja li Briga kellu jgħaddi ġuri, bl-akkużi t’attentat ta’ qtil u b’serq, dan għażel li jammetti qabel u b’hekk dan ma sarx.
Sar qbil bejn l-avukat ta’ Briga u l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fuq piena ta’ 15-il sena, iżda l-Imħallef Giovanni Grixti kkundanna lir-raġel għal 18-il sena ħabs. Minħabba f’hekk, ir-raġel appella madanakollu t-tlett imħallfin tal-Qorti tal-Appell sostnew li l-piena kienet il-minimu u r-raġel seta’ weħel sa’ massimu ta’ 40 sena ħabs peress li kien diġa nstab ħati ta’ reat ieħor fil-passat. Dan meta kien ħati li kkaġuna ġrievi gravi fuq Malti waqt li kien qiegħed jisirqu u kien ukoll heddu li joqtlu.
Ritratt: One News