Restawr Tal-Orgni Fil-Bażilika Tal-Għarb B’Fondi Nazzjonali U Ewropej

 Restawr Tal-Orgni Fil-Bażilika Tal-Għarb B’Fondi Nazzjonali U Ewropej

Ġie inawgurat il-proġett ta’ restawr li sar fuq l-orgni tal-Bażilika tal-Għarb, b’investiment ta’ madwar €121,000, b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea. 

L-Arċipriet Mons. Trevor Sultana u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi inawguraw dan il-proġett. Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm ukoll il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri.

Permezz tax-xogħol ta’ restawr li sar fuq l-orgni, liema orgni jmur lura għall-1910, issa se jkun jista’ jitgawda minn kull min jattendi għal funzjonijiet f’din il-bażilika. Ix-xogħol ta’ restawr sar permezz ta’ ħidma mwettqa mid-Djoċesi ta’ Għawdex permezz tal-Assoċjazzjoni KURA.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li huwa ta’ sodisfazzjon għalih li jara wirt bħal dan l-orgni jiġi preservat. “Il-fatt li €97,000 mill-proġett tar-restawr tal-orgni tal-Għarb kienu ffinanzjati minn fondi Ewropej jixhed kif dak li Malta rnexxielha takkwista fl-aħħar snin mill-Unjoni Ewropea verament qed jitgawda miċ-ċittadin Malti u Għawdxi. Din id-darba għall-orgni li jifforma parti kbira mill-istorja rikka tal-bażilika u mir-raħal ferm pittoresk tal-Għarb”, qal il-ministru.

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi tenna li r-restawr li sar fil-Bażilika tal-Għarb huwa parti minn proġett ferm akbar. Permezz ta’ dan l-investiment, l-Assoċjazzjoni KURA qed twettaq numru ta’ interventi biex tkun tista’ tkompli ttejjeb il-portafoll kulturali offrut lit-turisti li jżuru l-gżira Għawdxija. “Grazzi għal dawn il-fondi Ewropej, qed inkomplu nippreservaw u nippromwovu l-wirt kulturali li għandna f’pajjiżna sabiex ikun jista’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet futuri”, saħaq is-Segretarju Parlamentari.

F’isem l-Assoċjazzjoni Kura fi ħdan id-Djoċesi ta’ Għawdex, il-project manager Noel Formosa spjega kif b’dan il-proġett ta’ restawr qed niggarantixxu li dak li ħallewlna ta’ qabilna mhux biss ser inkunu nistgħu ngawduh aħna imma ser ngħadduh lil ta’ warajna għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Fil-Bażilika tal-Għarb se tiġi wkoll restawrata kollezzjoni t’artefatti li jmorru lura għas-seklu tmintax minn artisti rinomati mill-Bottega ta’ Mattia Preti u Gian Nicola Buhagiar. Dan ir-restawr se jkun ukoll iffinanzjat minn fondi Ewropej.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com