“Rigal Ta’ Paga Ta’ 6 Ħaddiema Li Robert Abela Prova Jaħbi” – Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech stqarr li l-Prim Ministru Robert Abela ta lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat “rigal ta’ flus ekwivalenti għal 6 snin paga ta’ ħaddiem normali.”
Permezz ta’ Facebook, Grech qal li “għall-Partit Laburista, l-ġid jibqa’ biss għal tal-qalba.” Meta kien qed jikkumenta fuq l-aħbar li ngħatat minn The Shift li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ngħata €120,000 f’kumpens bħala pakkett finanzjarju għal tmiem l-impjieg, meta rriżenja mill-kariga ta’ Prim Ministru f’Jannar tal-2020.
Grech qal il-fatt li Abela ta rigal ta’ €120,000 lil Joseph Muscat, u jżommu sigriet wara li kien sfurzat jirriżenja għal raġunijiet li jaf kulħadd, mhux aċċettabbli f’pajjiż normali. Hu fakkar kif Abela kien il-konsulent ta’ Muscat u tal-Kabinett tal-Gvern Laburista, waqt li kien konxju mill-akbar stejjer ta’ korruzzjoni li seħħew f’dawn l-aħħar 8 snin.
“Għaliex ried ikun kontinwità ta’ qablu, irringrazzjah billi tah rigal ta’ flus ekwivalenti għal 6 snin paga ta’ ħaddiem normali. Dan hu li jibqa’ jagħmel il-Labour,” insista Grech.
Hu qal li dan hu gvern tan-nies filwaqt li “qed jisirqek il-miljuni bħalma baqa’ jagħmel fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma.”
“Għaliex għal dan il-Gvern xejn mhu xejn. Grech temm jgħid li għall- PN l-bniedem se jkun fiċ-ċentru tal-politika li jfisser pajjiż fejn il-ġid komuni jitqassam ma’ kulħadd, għaliex huwa ta’ kulħadd,”.