“Robert Abela Għandu Jiċħad Lil Joseph Muscat” – Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wissa lill-Prim Ministru Robert Abela biex jiddisassoċja ruħu mill-predeċessur tiegħu, Joseph Muscat, jekk verament irid li jneħħi isem Malta minn fuq il-lista l-griża tal-FATF. Grech qal dan waqt diskors li għamel fil-Parlament dalgħodu.
Dan hu hu ċ-ċertifikat tal-Gvern; din hi r-realtà li l-Gvern dendel m’għonq il-poplu Malti, sostna l-Kap tal-PN, li kompla li l-Gvern irid lill-poplu jemmen li issa qisu business as ususal.
Fid-diskors tiegħu fil-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar numru ta’ miżuri li se tieħu l-Oppożizzjoni biex tassigura li isem Malta jitneħħa minn fuq il-lista l-griża. Fosthom billi qed titlob li l-gvern jippreżenta pjan ta’ azzjoni bi qbil mal-FATF u li jkun hemm kumitat parlamentari ad hoc biex jiddiskuti dan il-pjan ta’ azzjoni.
Grech fakkar lil Abela li talli “jżomm man-naħa ta’ Muscat u jkun parti mill-kabinett tal-aktar politiku korrott fid-dinja, żgur li l-aqwa żmien għall-pajjiż għadda.”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Grech qal li Robert Abela għandu “jibgħat sinjal ċar lin-nies li m’għandux x’jaqsam ma’ Joseph Muscat u li ninsabu fejn ninsabu tort tiegħu” u li għandu juri ukoll li hu mhux il-kontinwità ta’ Muscat.
Grech sostna li jekk il-Prim Ministru jonqos milli jagħmel dan allura jrid jispjega x’qed iżommu milli jiddisassoċja ruħu minn Joseph Muscat.
Fid-diskors tiegħu Bernard Grech qal li l-fatt li isem Malta jinsab fuq il-lista l-griża hu tal-mistħija u li dan ta kuljum itellef l-opportunitajiet tal-investiment dirett barrani u ta’ ħolqien ta’ impjiegi.
Appella wkoll lill-Prim Ministru Abela sabiex ma jitfax il-ħtija fuq ħaddieħor ta’ dak li ġara u biex ma jinjorax ir-rabja tan-nies għaliex is-sentiment hu l-istess bħal dak li ġara fl-aħħar tal-2019 li wassal għar-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru.