Se Tkun Irrestawrata L-Faċċata Tal-Librerija Ta’ Bormla
Komunità Malta rrappreżentata mill-Kap Eżekuttiv Jonathan Cardona u l-Kunsill Lokali ta’ Bormla rrappreżentata mis-Sindku Alison Zerafa Civelli, iffirmaw ftehim li se jwassal għar-restawr u għall-manutenzjoni tal-faċċata tal-librerija ta’ Bormla flimkien max-xiri ta’ aktar kotba. Preżenti wkoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Bryon Camilleri
Dan se jkun ifisser li Komunità Malta se tkun qed tgħaddi €2,000 lill-Kunsill Lokali u lil-Librerija ta’ Bormla sabiex iwettqu dawn ix-xogħlijiet importanti fuq din il-librerija.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri qal li Komunità Malta qed tkun minn ta’ quddiem sabiex tassisti u tgħin lill-komunitajiet Maltin u Għawdxin f’għadd ta’ proġetti intiżi sabiex jagħmlu differenza f’ħajjithom. Tenna wkoll li dan l-investiment li se jsir fil-librerija se jkun ifisser it-tisħiħ tal-komunità u l-edukazzjoni filwaqt li fl-istess ħin qed isir indukrar tal-ambjent tal-madwar permezz tar-restawr li se jsir.
Is-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli qalet li l-edukazzjoni hija waħda mill-prijoritajiet tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla u saħqet li l-kunsill lokali jinvesti mijiet ta’ ewro fuq bażi annwali fil-librerija pubblika tal-lokalità minbarra l-kollaborazzjoni kontinwa mal-iskejjel u ma’ entitajiet li b’xi mod jew ieħor huma involuti fil-qasam edukattiv.
Tenniet li tapprezza ferm l-inizjattiva li kien ħa l-librar, fejn individwa l-iskema ta’ Komunità Malta u ħa ħsieb li tiġi sottomessa din l-applikazzjoni li minnha ser ikunu qed jibbenefikaw ir-residenti.