Se Tkun Qed Tinġabar Informazzjoni Relatata Mal-Ambjent, Mas-Soċjetà U Mal-Governanza Mingħand Kumpaniji
Fit-tliet xhur li ġejjin, se tkun qed tinġabar informazzjoni relatata mal-ambjent, mas-soċjetà u mal-governanza mingħand kumpaniji kwotati fuq il-Borża ta’ Malta. Din l-informazzjoni, li eventwalment se tkun inkorporata fir-rapporti annwali tal-kumpaniji nfushom, se tkun organizzata u riprodotta fuq il-pjattaforma elettronika tad-Direttorat tas-Sostenibbiltà fi ħdan il-Ministeru.
Dan qalitu l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, waqt konferenza tal-aħbarijiet intiża biex tħeġġeġ lill-kumpaniji jinvestu u jikkontribwixxu aktar lejn l-ambjent, fis-soċjetà u l-governanza fl-operat tagħhom.
L-inizjattiva mħabbra mill-Ministru Dalli se tgħin lill-kumpaniji li qed jinvestu f’ESG biex ikunu jistgħu juru l-kontribuzzjoni ta’ dan l-investiment lill-investituri lokali u barranin.
“Dawn l-inizjattivi jkomplu joħolqu sinerġija bejn l-intrapriża u l-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna. Qed inkunu proattivi billi ninkoraġġixxu bidla fil-mentalita, fejn kumpaniji mhux biss iħarsu lejn il-profitti imma anke lejn l-impatt tal-operat tagħhom fuq l-ambjent u fuq is-soċjetà inġenerali,” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif aktar minn waħda minn kull ħames kumpaniji dinjija kkommettew li jilħqu net zero emissions. Matul l-ewwel kwart ta’ din is-sena, investituri barranin investew rekord ta’ kważi €150 biljun f’kumpaniji Ewropej li għandhom investiment fi proġetti ESG.
“Irridu li kumpaniji Maltin ikunu fuq dak il-livell għoli. Irridu nuru lill-kumpaniji li mixjin lejn is-sostenibbiltà li se twassal biex jiggwadanjaw minnha, se jkunu huma dawk il-kumpaniji li jħallu impatt pożittiv fuq l-ambjent u s-soċjetà,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
L-ESG Scoreboard se tkun qed isservi bħala referenza għall-investituri Maltin u barranin, li jixtiequ jinvestu f’ishma ta’ kumpaniji Maltin li japplikaw mudell ta’ negozju li huwa sostenibbli. Intermedjarji finanzjarji wkoll se jkunu jistgħu jaċċessaw din l-informazzjoni, biex b’hekk jiġi faċilitat il-proċess tal-analiżi li jagħmlu għall-klijenti tagħhom. L-iscoreboard se tipprovdi informazzjoni fuq l-impatt ambjentali ta’ dawn il-kumpaniji, bħall-kalkolu tas-CO2 emissions mill-operat tal-kumpaniji kif ukoll l-ammont ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija u riċiklaġġ tal-ilma, fost l-oħrajn. Fuq l-aspett soċjali, se tipprovdi informazzjoni fuq kif il-kumpaniji Maltin huma kommessi biex jindirizzaw temi bħal gender pay gap, u l-impenn tagħhom fejn jidħol upskilling tal-ħaddiema u livell ta’ appoġġ li jingħatalhom. Fil-qasam tal-governanza u l-etika, se tiġi provduta analiżi dwar il-kompożizzjoni tal-bordijiet ta’ dawn il-kumpaniji, fost oħrajn.
Il-Ministru Dalli rrimarkat kif, permezz ta’ din l-inizjattiva, qed ikomplu jintlaħqu seba’ miri tal-Iżvilupp Sostenibbli hekk kif indikati mill-Ġnus Magħquda, fejn dawn ivarjaw mill-elementi soċjali, għas-saħħa u r-rappreżentanza aktar ugwali, fost l-oħrajn.
Il-Ministru Dalli kkonkludiet li din l-inizjattiva hija parti minn numru ta’ miżuri u skemi intenzjonati sabiex Malta jkollha ekonomija b’saħħitha li tkompli miexja lejn it-triq tas-sostenibbiltà, li tiggarantixxi mhux biss tkabbir ekonomiku imma fuq kollox prosperità u tisħiħ fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.