Servizzi Għat-Tfal U Żgħażagħ Miġbura Taħt Saqaf Wieħed – Investiment Ta’ €2 Miljun
Id-Direttorat iffukat fuq il-Kura Alternattiva tat-tfal u ż-żgħażagħ fi ħdan l-FSWS qed jibni binja f’Santa Venera li taħt saqaf wieħed b’investiment ta’ aktar minn €2 miljun. Dan il-bini se jiġbor is-servizzi tal-fostering, tal-adozzjonijiet, tal-looked after children, servizz ta’ aċċess b’superviżjoni, kura medika mill-konsulent pedjatriku tad-Direttorat u infermiera speċjalizzati, is-servizzi għaż-żgħażagħ f’kura alternattiva u aftercare, kif ukoll is-servizz soċjolegali tad-Direttorat.
Fi żjara fuq il-post, il-Ministru Michael Falzon spjega kif dan il-gvern kien għamel wegħda elettorali fl-2013, li jwaqqaf aġenzija tal-fostering u l-adozzjoni u li issa, b’din il-binja kollox se jkun miġbur taħt saqaf wieħed.
F’din il-binja, se jkunu qegħdin joffru s-servizzi tagħhom madwar 200 impjegat tad-Direttorat.
Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti qal li huwa pjanat li din il-binja tibda topera minn Ġunju tal-2022.
“Il-bini, minbarra li huwa modern, huwa mibni skont l-ogħla standards tal-health and safety, u hu aċċessibbli għal kulħadd. Binja li fuq kollox se tkun qed isservi lil tfal taħt kura alternattiva, żgħażagħ u familji fil-bżonn sabiex jibnu aspirazzjonijiet pożittivi għall-futur.”