‘Sharing Lives’ – Opportunità Lil Persuni B’Diżabilità Sabiex Ikunu Parteċipi F’ Diversi Attivitajiet
Id-dritt għal inklużjoni fi-komunità u ħajja soċjali hu wieħed mit-temi ewlenin u prinċipji fuq xiex huma msejsa s-servizzi ta’ Aġenzija Sapport. Servizzi partikolari ffukat appuntu fuq dan l-element soċjali u inklussiv hu s-servizzi Sharing Lives. Sharing Lives ġie mwaqqaf f’2017 bl-għan li joħloq opportunitajiet fejn voluntiera u persuni b’diżabilità jaqsmu esperjenzi flimkien, u joħloq kuntatt soċjali speċjalment għal dawk il-persuni b’diżabilità fejn is-sapport huwa limitat. Fl-aħħar xhur, dan is-servizz ġie estiż ukoll f’Għawdex.
Sharing Lives jagħti l-opportunità lil persuni b’diżabilità sabiex jieħdu sehem u jattendu diversi attivitajiet fosthom sessjonijiet sportivi, attivitajiet soċjali bħal BBQs, sajd, mixjiet u wkoll attivitajiet kulturali bħal sessjonijiet ta’ arti u ta’ mużika fost oħrajn. Jingħataw ukoll diversi sessjonijiet informattivi bħal użu sikur tal-internet u pressjoni mill-ħbieb. Uħud mill-persuni b’diżabilità li bbenefikaw minn Sharing Lives, illum għandhom esperjenzi ta’ volontarjat huma stess ma’ entitatjiet oħra għax raw kemm din hi esperjenza pożittiva u li tirċievi minnha waqt li qed tagħti.
Minkejja s-sitwazzjoni tal-Covid-19, Aġenzija Sapport xorta addattat l-attivitajiet u inizjattivi sabiex Sharing Lives ikompli. Matul dan il-perjodu spikkaw l-attivitajiet onlajn kif ukoll it-talbiet għal kuntatt soċjali, jiġifieri, laqgħat bejn voluntiera u benefiċjarji fuq bażi inidividwali aktar milli fi gruppi, dejjem skont il-miżuri rakkomandati mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Voluntiera jistgħu jkunu individwi kif ukoll entitajiet li jixtiequ joffru ftit tal-ħin tagħhom sabiex joħolqu attivitajiet soċjali jew jgħallmu xi passatemp lill-persuni b’diżabilità kemm fi gruppi jew fuq bażi individwali. Uħud mill-kollaborazjonijiet ta’ Sharing Lives jinkludu dawk ma’ The Brain Foundation, YMCA, Youtheme Foundation, Aġenzija Sedqa, Aġenzija Żgħażagħ, RMJ, Malta Rabbit Club, Science in the City u l-Ġiżwiti.
Dawk il-persuni li jixtiequ jagħtu ftit mill-ħin tagħhom lil Sharing Lives fosthom studenti, professjonisti, organizzazzjonijiet kemm minn Malta u anke minn Għawdex, jistgħu jikkuntattaw lil Aġenzija Sapport fuq 2256 8000 (Malta) jew 2156 9909 (Għawdex). Voluntiera jrid ikollhom minn 16-il sena ‘l fuq. Jingħata t-taħriġ meħtieġ lill-voluntiera kif ukoll superviżjoni u sapport kontinwu biex l-esperjenza tkun ukoll opportunità għall-voluntier biex jikber personalment. Voluntiera jistgħu wkoll ikunu studenti fl-iskejjel post-sekondarji u l-Università. Jingħata ċertifikat lil dawk li jkunu taw 30 siegħa jew aktar ta’ servizz.
“L-esperjenza tiegħi f’Sharing Lives tatni aktar milli qatt bsart. Tgħallimt napprezza aktar is-soċjalizzazjoni, tgħallimt ħafna fuqi nnifsi u l-importanza li tkun lest li taqsam il-ħsibijiet tiegħek. Fl-aħħar minn l-aħħar kullħadd għandu l-aspirazzjonijiet u mħabba fih innifsu. Ejja naqsmu l-vjaġġ tagħna flimkien u noħolqu kuntatt ma’ xulxin. Grazzi lil Sharing Lives ta’ din l-esperjenza li qatt ma jien ser ninsa. Ser tibqa’ f’qalbi u ser nibqa’ ngħożż il-memorji tant speċjali.” – Hannah Schafer, Voluntiera
Aġenzija Sapport hi l-aġenzija nazzjonali li toffri numru ta’ skemi u servizzi lil persuni b’diżabilità u familjari tagħhom. Għal aktar informazzjoni, wieħed jista’ jżur is-sit tal-Aġenzija www.sapport.gov.mt u jsegwina fuq il-midja soċjali.