Temp Imsaħħab U Anqas Sħun

 Temp Imsaħħab U Anqas Sħun
Irqajja ftit kesħin (f’livelli għolja tal-atmosfera) u instabbli mistennija jgħaddu viċin il-gżejjer Maltin fil-bidu ta’ Ġunju, hekk kif il-pressjoni tal-arja se titbaxxa xi ftit ukoll.
It-temp se jkun ġeneralment bnazzi, iżda għada t-Tlieta u l-Erbgħa, il-gżejjer Maltin se jkunu fil-periferija ta’ żona b’irqajja instabbli u f’dawk il-jumejn it-temp ikun ġeneralment imsaħħab u anqas sħun. Ftit xita tal-ħamri mhux eskluża fl-ewwel jumejn ta’ Ġunju, kif ukoll xi rqajja biċ-ċpar fl-għodwiet kalmi bir-riħ isfel.
Ir-riħ se jkun ġeneralment riħ isfel u umdu mill-kwadranti tal-Lvant (E), li jsir moderat jew ftit qawwi (sa Forza 5) nhar l-Erbgħa 2 ta’ Ġunju u l-Ħamis 3 tax-xahar. Ħafif u varju għal tmiem il-ġimgħa.
It-temperatura massima se tvarja bejn 25°C u 29°C, fejn l-aktar jum frisk mistenni li jkun l-Erbgħa filwaqt li l-aktar jiem sħan ikunu ta’ tmiem il-ġimgħa. It-temperaturi minimi se jkunu fl-ambitu ta’ bejn 17°C u 19°C.
It-temperatura tal-baħar tkompli tisħon u issa tinsab f’medja ta’ 21°C, li hi madwar 1°C aktar mill-medja staġjonali għall-bidu ta’ Ġunju
Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com