Titnieda L-Konsultazzjoni Pubblika Għal-‘Lifelong Learning Strategy’

 Titnieda L-Konsultazzjoni Pubblika Għal-‘Lifelong Learning Strategy’

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, illum nediet il-Lifelong Learning Strategy fil-Gozo College Secondary tar-Rabat, Għawdex. Tenniet li din il-konsultazzjoni hija importanti ħafna fiż-żmien li qed ngħixu fih. Saħqet li dan ser ipoġġi dawl fuq l-isfidi globali dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ li huma marbuta mal-ekonomija ta’ pajjiżna.

Permezz ta’ din l-istrateġija, se tibda konsultazzjoni nazzjonali dwar it-tagħlim għall-adulti, imma wkoll qed tkun enfasizzata l-importanza li tinħoloq sinerġija bejn is-settur edukattiv u s-sħab soċjali. Il-Ministru Caruana qalet li, “Ilbieraħ stess, kelli laqgħa mal-Kamra Maltija tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija u ddiskutejna kif se jkun hemm kollaborazzjoni mal-imsieħba soċjali biex ikun hemm qafas ta’ djalogu, biex il-miri tagħna fis-settur edukattiv ikunu kumplimentari mal-miri tas-settur privat, u li dawn jitwettqu.”

L-istrateġija għandha erba’ pilastri ewlenin: it-titjib tal-opportunitajiet edukattivi għal dawk b’ħiliet baxxi u kwalifikati li huma f’riskju ogħla ta’ qgħad, faqar u esklużjoni soċjali; id-diversifikazzjoni tal-metodi u l-opportunitajiet għat-tagħlim; l-iżgurar tal-kwalità fl-għoti tal-korsijiet; u li tagħti appoġġ lill-adulti biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar l-edukazzjoni tagħhom permezz ta’ sistema ġdida ta’ gwida (guidance).

Christianne Fenech, Uffiċjal Edukattiv tal-Lifelong Learning, spjegat li l-elementi ġodda fl-istrateġija huma: il-ħiliet bażiċi – qafas fuq ħiliet bażiċi b’involviment minn partijiet interessati; il-kwalità fl-edukazzjoni; appoġġ lill-adulti biex ikollhom aċċess finanzjarju aħjar għall-edukazzjoni; it-tagħlim għall-adulti bħala miżura ta’ kumpens għat-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ; tagħlim fil-komunitajiet; il-koeżjoni tal-politika, li tippromwovi diskussjoni u azzjonijiet, tiżgura l-motivazzjoni u għat-tagħlim; edukazzjoni diġitali; struttura ta’ kif jingħataw il-korsijiet; età – jista’ jkollok 15-il sena jew aktar biex ikollok aċċess għal wieħed mill-korsijiet; korsijiet fuq snajja, li jinkorporaw ukoll sens intraprenditorjali; kif ukoll mudell mhux sinkroniku ta’ tagħlim online.

Din l-istrateġija nazzjonali tagħti attenzjoni u tisħaq fuq l-importanza ta’ kordinazzjoni, tara li jkun hemm aktar impenn ma’ min iħaddem u tisħaq fuq l-importanza tal-professjonalità tal-edukaturi tal-adulti. Din l-istrateġija hija waħda dinamika, ambizzjuża u trasversali.

Il-Ministru Justyne Caruana ħeġġet biex dawk kollha li għandhom l-edukazzjoni għal qalbhom jipparteċipaw f’din il-konsultazzjoni nazzjonali u jagħtu sehem biex dan is-settur inkomplu nsaħħuh.

Id-dokument jista’ jiġi aċċessat minn dan is-sit: https://meae.gov.mt/en/Public_Consultations/MEDE/Pages/Consultations/NationalStrategyforLifelongLearning20202030.aspx

Ritratti: MFED

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com