Tliet kliniċi Ġodda Fil-Komunità – Is-Servizz Tal-Psikoterapija Għall-Anzjani Estiż

 Tliet kliniċi Ġodda Fil-Komunità – Is-Servizz Tal-Psikoterapija Għall-Anzjani Estiż

Is-servizz ta’ psikoterapija li sal-lum kien jiġi offrut lill-anzjani li jgħixu fi Djar għall-Anzjani, se jiġi estiz għall-anzjani fil-komunita’ u l-informal carers tagħhom bil-ftuħ ta’ tliet kliniċi ġodda fil-lokalitajiet taz-Zurrieq, Birkirkara u l-Imtarfa.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanita’ Attiva Michael Farrugia waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn qal li l-pandemija laqtet lill-anzjani b’mod partikolari. “Wara li rajna li kien hemm zieda fin-numru ta’ anzjani li għaddew minn diffikultajiet, inħasset il-ħtieġa li s-servizz ta’ psikoterapija jinfirex ukoll fil-komunita’ biex jilħaq lil dawk l-anzjani li għadhom jgħixu fid-dar privata tagħhom,” qal il-Ministru Farrugia.

Fi stqarrija mill-Ministeru ntqal li permezz ta’ dawn il-kliniċi, anzjani li għadhom jgħixu fil-komunita, se jkunu jistgħu jattendu sessjonijiet ta’ psikoterapija, liema servizz se jkun offrut b’xejn mid-Dipartiment għall-Anzjanita’ Attiva u Kura fil-Komunità.

Il-Ministru Farrugia tenna li għalkemm dawn il-kliniċi jinsabu f’dawn it-tliet lokalitajiet, l-anzjani kollha f’Malta se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz, fl-eqreb klinika ta’ fejn joqogħdu. Il-psikoterapisti se jaħdmu bil-għan li residenti fi djar tal-anzjani, kif ukoll dawk li jgħixu fil-komunità, ikunu jistgħu jibbenefikaw kemm minn sessjonijiet individwali, kif ukoll minn sessjonijiet fi gruppi, skont il-ħtieġa.

Għalkemm is-servizz ta’ psikoterapija huwa prinċipalment immirat għall-anzjani li jgħixu fir-residenzi tal-anzjani u għal dawk li jgħixu fid-dar privata tagħhom, is-servizz fil-komunità se jkun miftuħ ukoll għall-qraba tal-anzjani. Dan it-tip ta’ servizz huwa mportanti għax permezz tiegħu, tkun qed tingħata wkoll għajnuna lill-qraba fid-diffikultajiet psikoloġiċi li jistgħu jiffaċċjaw.

Il-Ministru Farrugia żied jispjega li l-għan tal-psikoterapija huwa li tgħin in-nies li għandhom diffikultajiet fuq livell ta’ mġieba u emozzjonijiet. Permezz tal-psikoterapija, il-persuna tista’ tidentifika u tbiddel dawn l-emozzjonijiet, ħsibijiet, u mġieba bil-għan li tgħix kwalità ta’ ħajja aħjar.

Wieħed jista’ japplika għal dan is-servizz billi jimla applikazzjoni għas-servizzi tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u jiġi mmarkat is-servizz tal-psikoterapija. Din l-applikazzjoni tinsab fuq is-sit elettroniku activeageing.gov.mt, minn Ċentru Servizz Anzjan il-Belt, kif ukoll fil-kunsilli lokali.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com