Tpinġija Tal-Qaddis Malti San Ġorġ Preca
Ritratt li deher fuq il-midja soċjali ġibet l-attenzjoni ta’ bosta, hekk kif tpinġija tal-qaddis Malti San Ġorġ Preca tidher li qiegħda tinħoloq ma’ ħajt ta’ binja fil-Ħamrun.
Strada Rjali tkellem mal-Kunsill tal-Ħamrun dwar dan, hekk kif il-Kunsill qiegħed jagħmel din l-inizjattiva. Din l-inizjattiva qiegħda ssir wara li l-kunsill ħoloq spazju miftuħ ġdid u qiegħed isebbaħ ż-żona tal-madwar. L-artist li qiegħed jaħdem fuq din l-arti huwa Justin Bonnici. Jidher li l-Kunsill tal-Ħamrun xtaq li t-tpinġija tinkludi xbieha tal-ewwel qaddis Malti li għex, għallem u waqqaf is-soċjetà tal-MUSEUM fil-Ħamrun. Din l-arti se tinkludi ukoll ferrorija, li qabel kienet tgħaddi minn din il-lokalità.
Is-Sindku tal-Ħamrun, Christian Sammut sostna li l-Kunsill se jkompli jaħdem sabiex jibqa’ jsebbaħ lil Ħamrun u jinħolqu aktar spazji miftuħa ġodda, għar-residenti u dawk li jżuru din il-lokalità. Is-Sindku stqarr li dan hu investiment sabiex aktar familji jiġu mħeġġa jagħżlu li jmorru joqogħdu l-Ħamrun.
Ritratt: Facebook/Darren Carabott