Vawċers Għat-Turisti Anzjani Li Jiġu Malta Bejn Ottubru U Diċembru

 Vawċers Għat-Turisti Anzjani Li Jiġu Malta Bejn Ottubru U Diċembru

Turisti minn 65 sena ‘l fuq li jqattgħu f’pajjiżna 15-il jum jew iktar bejn Ottubru u Diċembru se jingħataw kull wieħed vawċer ta’ €100 meta jixtru l-biljett mill-operaturi tal-ivvjaġġar. It-turisti se jingħataw barcode li mbagħad jissarraf fl-uffiċini tal-informazzjoni turistiċi, kemm fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta jew il-Belt Valletta.

Iċ-Ċhairman tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu Gavin Gulia qal li l-awtorità se tkun qed tkompli tvara iktar skemi biex il-pajjiż ikompli jattira iktar turisti mhux biss fis-sajf iżda wkoll fix-xhur xitwin li normalment ikunu iktar kwieti.

“Barra li qegħdin nidentifikaw niċeċ partikolari, u ninċentivaw, l-għan hu li l-awtorità tkun viġilanti biex tara liema setturi jridu jiġu inċentivati matul dan il-perjodu ta’ rkupru”, qal Dr Gulia.

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li minkejja l-pandemija l-Gvern baqa’ għaddej b’inċentivi u inizjattivi biex l-ekonomija mhux biss tirpilja iżda twettaq suċċessi għall-industrija li lkoll issarrfu f’ġid għall-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Ministru Bartolo qal li l-iskemi li qed tħabbar l-MTA huma parti mill-pjan ta’ €20 miljun għall-irkupru għat-turiżmu lokali b’għajnuna lin-negozji u s-setturi turistiċi lokali.

Il-vawċers li se jingħataw it-turisti jistgħu jissarfu f’ażjendi li jaċċettaw vawċers tal-Gvern bl-iskema mistennija tibda tapplika mit-18 ta’ Ottubru u għandha sad-19 ta’ Diċembru ta’ din is-sena.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com