Wettaq Xogħol Qalb Il-Faqar – Illum Elett Provinċjal Tal-Provinċja Dumnikana Maltija

 Wettaq Xogħol Qalb Il-Faqar – Illum Elett Provinċjal Tal-Provinċja Dumnikana Maltija

P. Vince Micallef, OP, twieled il-Belt Valletta, Malta, fit-2 ta’ Marzu, 1950, mill-ġenituri Victor u Mary, u huwa r-raba’ minn sitt aħwa. Daħal fl-Ordni Dumnikan fit-8 ta’ Settembru, 1967, u wara l-professjoni reliġjuża u dik solenni, ġie ordnat saċerdot fl-20 ta’ Lulju, 1974.

Fi tfulitu studja fl-iskola primarja tal-Baviera, il-Belt, u s-sekondarja fil-Kulleġġ Dumnikan San Albert il-Kbir, il-Belt. Fl-Ordni Dumnikan huwa studja l-filosofija u t-teoloġija fil-Kulleġġ San Tumas ta’ Akwinu, ir-Rabat, Malta.

Fl-1978, huwa mar jingħaqad mal-komunita Dumnikana Maltija fil-missjoni fil-Brażil, fejn qatta’ 30 sena. Matul dan iż-żmien huwa kien kappillan tal-parroċċi ta’ Faxinal u Curitiba fl-Istat tal-Paraná u fil-Belt ta’ São Paulo, fl-Istat ta’ São Paulo. Għal snin twal kien ukoll attiv fil-formazzjoni tal-prenovizzi bħala direttur u surmast tan-novizzi u studenti tal-filosofija u tat-tejoloġija. Kien vigarju tal-provinċjal għar-reliġjużi Dumnikani Maltin, u l-aħħar 4 snin tiegħu fil-Brażil (2006-2009) kien provinċjal tal-Provinċja Brażiljana Bartolomeu de Las Casas.

Patri Vince, barra x-xogħol pastorali tiegħu, partikularment maż-żgħażagħ u mal-koppji, kompla wkoll l-istudji tiegħu ġewwa Sao Paulo għal-Liċenzjat fil-Filosofija u l-Masters fix-Xjenzi tar-Reliġjon fl-Università Pontifiċja Kattolika. Huwa fundatur tal-Iskola ta’ tfal u żgħażagħ b’diżabbilità (APAE) Faxinal, PR, Brażil, fl-1983, u fl-1995 huwa wkoll irċieva t-titlu ta’ Ċittadin Onorarju tal-Belt ta’ Curitiba, PR, għax-xogħol pastorali qalb il-fqar fil-favelas.

Lura Malta fl-2010, huwa okkupa l-kariga ta’ viċi kappillan fil-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima, Gwardamanġa. F’Settembru, 2013, fil-Kapitlu Provinċjali, ġie magħżul vigarju tal-Provinċjal u kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima.

Illum 15 ta’ Ġunju 2021, Patri Micallef ġie elett Provinċjal Prijuri tal-Provinċja Dumnikana Maltija ta’ San Piju 5.

Awguri.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com