Żewġ Midalji Tad-Deheb Għal Malta Fil-Kampjonati Tal-Pajjiżi ż-Żgħar Tal-Ewropa

 Żewġ Midalji Tad-Deheb Għal Malta Fil-Kampjonati Tal-Pajjiżi ż-Żgħar Tal-Ewropa

Malta rebħet żewġ midalji tad-deheb fil-Kampjonati tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa f’Serravalle, San Marino. Delegazzjoni ta’ 15-il atleta rrappreżentat lill-pajjiżna f’dan l-avveniment ta’ kull sentejn li kien pospost mis-sena li għaddiet u li issa jinsab fit-tielet edizzjoni tiegħu sa mill-ewwel wieħed li kien sar f’Malta ħames snin ilu.

L-ewwel midalja tad-deheb għal Malta waslet minn Claire Azzopardi fil-long jump b’qabża ta’ 6.02m. Għal Azzopardi, din kienet l-ewwel qabża ta’ aktar minn 6 metri, u hija biss it-tielet atleta femminili Maltija li rnexxilha tagħmel dan. Hija wkoll l-ewwel atleta lokali li rebħet id-deheb f’din id-dixxiplina. It-tieni midalja tad-deheb waslet mit-relay team tan-nisa li kien jikkonsisti minn Charlotte Wingfield, Sarah Busuttil, Martha Spiteri u Janet Richard. Tellieqa b’eżekuzzjoni perfetta li waslet għal rebħa tat-tim Malti b’distakk ta’ aktar minn 20m.

Janet Richard kisbet il-fidda fl-400m bl-aqwa ħin tal-istaġun ta’ 55”88. Bradley Mifsud kompla jimpressjona hekk kif rebaħ l-ewwel midalja f’avveniment tat-tfigħ f’dawn il-kampjonati b’62.47m fil-javelin, fejn spiċċa fit-tielet post.

Malta kienet sfortunata li ma rebħitx żewġ midalji oħra meta Carla Scicluna spiċċat ir-raba’ fil-200m b’0.07 sekondi filwaqt li Rachel Pace tilfet il-bronż għal żewġ ċentimetri fil-long jump b’qabża ta’ 5.75. m.

 

Tazza Ewropea 10,000 metru – Birmingham

Intant, l-atleti Luke Micallef u Lisa Bezzina sfidaw konkorrenza ta’ livell dinji fit-Tazza Ewropea tal-10,000 metru li saret f’Birmingham fir-Renju Unit. F’din t-tellieqa ħadu sehem atleti rinomati bħal Mo Farah tar-Renju Unit, li kienu qed ifittxu ħin li jikkwalifikahom għall-Olimpjadi li jmiss. Micallef kellu prestazzjoni eċċellenti fejn għeleb ir-rekord personali tiegħu bi 30 sekonda u temm f’31’59”48. Bezzina rreġistrat ukoll ħin tajjeb ħafna ta’ 35’43”97, erba’ sekondi bogħod mill-aqwa ħin tagħha.

 

Kampjonati Ewropej tat-Timijiet

L-atleti issa se jkunu qed jirkupraw qabel ma jerġgħu jivvjaġġaw lejn Ċipru għal Kampjonati Ewropej tat-Timijiet li se jsiru f’Limassol fid-19-20 ta’ Ġunju 2021. Athletics Malta se tibgħat kontinġent ta’ madwar 40 atleta u uffiċjal fejn pajjiżna se jkun qed jimmira li jikseb wieħed miż-żewġ postijiet disponibbli għal promozzjoni fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni

 

Ritratt: Ottavio Pamantini

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com