200,000 F’Fondi Mill-MCST Biex Jinħoloq Apparat Li Janalizza D-Data Tat-Titjiriet – Aktar Sigurtà U Effiċjenza
Bl-għajnuna ta’ €200,000 f’fondi mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), kollaborazzjoni mmexxija mill-Istitut għat-Teknoloġiji Ajruspazjali u d-Dipartiment tal-Inġinerija tal-Komunikazzjoni u tal-Kompjuter fl-Università ta’ Malta, u l-imsieħba industrijali QuAero, rat l-iżvilupp ta’ apparat li permezz tiegħu jiġu adottati tekniki awtomatiċi moderni biex tiġi analizzata d-data tat-titjiriet.
Tipikament, id-data tal-ajruplani tiġi rreġistrata matul it-titjira u mbagħad tintuża offline biex tiġi analizzata l-prestazzjoni tal-ajruplan. Din ir-riċerka bl-isem ta’ SmartFDM (Smart Flight Data Monitoring) tippermetti li titqabbel id-data minn flotta kbira ta’ ajruplani, tistabbilixxi anomaliji potenzjali fid-data u tittraċċaha mal-parametri tat-titjira. Din id-data mbagħad tista’ tintuża biex ittejjeb l-analiżi ta’ wara l-monitoraġġ, iżżid l-effiċjenza tal-operat, ittejjeb is-sikurezza, u tirriżulta f’redditi kummerċjali akbar u tnaqqis fl-impatt tal-operat fuq l-ambjent.
Din ir-riċerka innovattiva wasslet għar-reġistrazzjoni ta’ applikazzjoni għal privattiva.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici f’avveniment li sar fiċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenzi l-Esplora, avveniment, faħħar ix-xogħol siewi li sar mir-riċerkaturi u rringrazzja lill-MCST talli tappoġġja proġetti bħal dawn u tkompli dejjem issaħħaħ ir-riċerka u l-innovazzjoni f’Malta.
“Il-formazzjoni ta’ konsorzji bejn is-settur pubbliku u dak privat hija kruċjali għall-konkretizzazzjoni ta’ proġetti ta’ riċerka li jwasslu għal soluzzjonijiet innovattivi, li fl-aħħar mill-aħħar se jirriżultaw fi tkabbir ekonomiku għal pajjiżna u f’ġid għall-poplu tiegħu,” qal il-Ministru. “Meta riċerkaturi akkademiċi u esperti fil-manifattura industrijali jaqsmu bejniethom l-għarfien u l-ħiliet f’kollaborazzjoni sħiħa, tista’ sseħħ innovazzjoni reali.”
Fid-diskors tal-ftuħ tiegħu, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-MCST Dr Jeffrey Pullicino Orlando qal: “Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija qed jaħdem qatigħ sabiex jikkultiva kultura ta’ riċerka u innovazzjoni f’pajjiżna u li dan qed iseħħ permezz tal-użu tal-fond nazzjonali f’dan il-qasam, FUSION. Il-konsorzju SmartFDM kien wieħed minn bosta li bbenifika minn dan il-programm ta’ finanzjament, fejn irċieva madwar €199,700. Is-suċċess tal-konsorzju kien ikkaratterizzat minn ħidma konġunta bejn il-koordinaturi tal-proġett u l-imsieħba tagħhom sabiex jindirizzaw sfidi marbuta mas-sigurtà u l-effiċjenza fl-operat tal-ajruplani. Dan hu eżempju ta’ kif ir-riċerka qed twassal għal ħolqien ta’ metodi innovattivi għall- ġid komuni”.
Dr Robert Camilleri, li mexxa din ir-riċerka, qal li din ir-riċerka għandha l-għan li twessa’ l-użu tat-tagħlim awtomatiku u l-intelliġenza artifiċjali fl-industrija tal-avjazzjoni. It-tim issa jinsab fil-proċess li jipproteġi l-IP tiegħu u jiżviluppa għodda kummerċjali.
SmartFDM huwa ffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, għal u f’isem il-Fondazzjoni għax-Xjenza u t-Teknoloġija, permezz ta’ FUSION: il-programm tar- R&I fl-Iżvilupp tat-Teknoloġija.