21.9% Żieda Fl-Impjiegi Fis-Settur Tal-ICT Mistennija Fl-10 Snin Li Ġejjin
41 sid ta’ negozju u impjegati temmew il-programm ta’ taħriġ eBiznify eCommerce organizzat mill-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni (MCA) bi sħubija mal-eSkills Malta Foundation, filwaqt li programm ġdid ta’ taħriġ dwar il-kummerċ diġitali msemmi eBiznify Lite issa fetaħ għar-reġistrazzjoni. Iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni kienet preseduta mill-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri li faħħar l-isforz bla waqfien tal-MCA biex tkompli ttejjeb il-pożizzjoni ta’ Malta fuq il-front tal-eCommerce bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali tal-eCommerce ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Silvio Schembri f’diskors li għamel qal li “Permezz tal-eBiznify Lite, qed inwessgħu aktar l-udjenza tal-eBiznify. Billi dan huwa programm mhux akkreditat, qed inneħħu l-kriterja tad-dħul, u nippermettu lil aktar nies jagħmlu l-ewwel passi tagħhom fid-dinja tal-eCommerce,”.
“Għandna bżonn niżguraw li n-negozji tal-lum għandhom il-ħiliet u l-kompetenzi tekniċi u kummerċjali adattati biex jiżviluppaw u jsaħħu l-pjattaformi diġitali li jsostnuhom,” żied il-Ministru għall-Ekonomija.
Matul l-istess okkażjoni, ir-rapport tal-ICT Skills Demand and Supply Monitor 2021 ġie ppreżentat mill-Fondazzjoni eSkills Malta. Ir-rapport juri li filwaqt li n-numru ta’ gradwati fl-edukazzjoni terzjarja tal-ICT huwa mistenni li jikber matul l-10 snin li ġejjin, madankollu, xorta ser tkun sfida biex in-numru ta’ gradwati jlaħħaq mad-domanda mbassra ta’ 21.9% żieda fl-impjiegi fis-settur tal-ICT. Ir-rwoli ta’ data scientists huma mistennija jaraw żieda ta’ 179% fit-3 snin li ġejjin, filwaqt li dak ta’ developer se jiżdied b’madwar 93%.
Il-Ministru rrefera għall-istatistika fir-rapport li sab li filwaqt li 75% tal-professjonisti tal-ICT jaqblu li l-organizzazzjonijiet għandhom jipprovdu aċċess għat-taħriġ u l-edukazzjoni għall-prattikanti tal-ICT tagħhom, 41% biss tal-organizzazzjonijiet speċifikament jaqblu li dan għandu jsir, filwaqt li 51% la jaqblu u lanqas ma jaqblux. Għalhekk huwa ħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet biex jinvestu fil-ħiliet diġitali tal-impjegati tagħhom. Kif jinnota l-istħarriġ, aktar minn 85% tal-prattikanti tal-ICT jaqblu li ċ-ċertifikazzjonijiet tal-industrija jtejbu l-impjegabbiltà u r-rikonoxximent tal-ħiliet.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MCA, is-Sur Jesmond Bugeja, qal, “Ninsab kuntent li mit-tnedija tagħha, sentejn u nofs biss ilu, iktar minn 400 student applikaw għall-programm eBiznify. Din hija xhieda tal-isforzi bla waqfien tal-MCA biex tiżgura li kull min għandu x-xewqa li jinvesti fl-eCommerce, ikun ippreparat sew, u jkun mgħammar bil-ħiliet u l-għarfien meħtieġa, u għalhekk jiżgura li jikseb benefiċċji tanġibbli.”
Is-Sur Carm Cachia, l-Amministratur Ewlieni fl-eSkills Malta Foundation, spjega kif “is-sinerġiji bejn l-entitajiet huma kruċjali għall-ġid kollettiv. eSkills għandha l-pjaċir tikkontribwixxi u tappoġġja l-inizjattiva eBiznify u se tkompli tagħmel hekk, peress li din tifforma parti mill-missjoni tagħha li tkabbar il-ħiliet kemm t’intraprendituri żgħażagħ kif ukoll ta’ dawk stabbiliti”.
Ritratt: DOI