Aktar Għaqdiet Mgħejjuna Biex Jinstallaw Sistemi Fotovoltajċi
Għaqdiet volontarji bbenefikaw minn investiment ta’ kwart ta’ miljun ewro grazzi għal żewġ skemi maħruġa mill-gvern biex ikunu jistgħu jinstallaw sistemi fotovoltajċi fuq il-proprjetà tagħhom mingħajr ħlas.
Permezz tat-tieni skema maħruġa mill-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, 22 għaqda volontarja bbenefikaw minn investiment ta’ €95,000. Il-Ministru Miriam Dalli ħabbret li se tkun qed tinħareġ it-tielet skema wara li dawn l-iskemi kienu suċċess.
Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima qassmu kuntratti lil 22 rappreżentant tal-għaqdiet volontarja li se jkunu qed jibbenefikaw mit-tieni sejħa ta’ din l-iskema.
Permezz ta’ din l-iskema, dawn l-għaqdiet se jkunu qed igawdu minn roħs fil-kontijiet tagħhom, filwaqt li se jkunu qed jgħinu biex il-pajjiż igawdi minn enerġija iktar nadifa.
Din kienet it-tieni sejħa, wara li fl-ewwel sejħa bbenefikaw 40 organizzazzjoni. Fit-tieni sejħa, seba’ għaqdiet ibbenefikaw minn tnax-il pannella ta’ 3.6kWp u 15-il għaqda b’sistemi ta’ 24 pannella ta 7.2kWp.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Miriam Dalli qalet li, “Qed inħarsu lejn is-settur privat u lejn iċ-ċittadini ta’ Malta u Għawdex biex inkomplu nagħtu spinta ’l quddiem lill-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-enerġija rinnovabbli. Dan qed nagħmluh mhux biss għax għandna mira Ewropea li sal-2030 nilħqu il-11.5% ta’ ġenerazzjoni minn sorsi rinnovabbli, imma għax dan il-gvern jemmen f’din il-qalba għall-enerġija nadifa.”
Il-Ministru Miriam Dalli fakkret kif għaqdiet volontarji jħallu impatt fil-ħajja tal-komunitajiet Maltin. “Bid-deċiżjoni li jimxu lejn operat aktar sostenibbli, qed iħallu impatt pożittiv fuq l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli.”
Waqt iċ-ċerimonja tat-tqassim taċ-ċertifikati lill-għaqdiet volontarji, is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima aċċenna kif il-ġid komuni fis-soċjetà tagħna permezz ta’ din l-inizjattiva rdoppja. “Fuq naħa għandek il-preservazzjoni tas-settur ambjentali u fuq in-naħa l-oħra għandek iktar riżorsi li se jibqgħu fis-settur tal-volontarjat, u allura se jkun hemm iktar ħidma li b’mod tanġibbli tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.”
Is-Segretarju Parlamentari qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir meta, permezz tal-politika, iktar minn settur wieħed jiggwadanja minn inizjattiva. Dr Grima semma kif, “B’mod tanġibbli, dan il-gvern kien u għadu ta’ spalla għall-għaqdiet volontarji f’pajjiżna.” Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li xhieda ta’ dan hija din l-inizjattiva, kif ukoll inizjattivi oħrajn li fil-passat għenu finanzjarjament lill-għaqdiet volontarji jibqgħu fuq saqajhom biex ikompli bix-xogħol nobbli li jwettqu fis-soċjetà Maltija.