Aktar Minn Żewġ Miljun Login Bil-Kont Tal-eID F’Temp Ta’ Xahar

 Aktar Minn Żewġ Miljun Login Bil-Kont Tal-eID F’Temp Ta’ Xahar

Bejn l-20 ta’ Mejju u t-30 ta’ Ġunju 2021 kienu rreġistrati aktar minn żewġ miljun login fil-kont tal-eID. Dan kien il-perjodu meta kienu miftuħa żewġ sistemi importanti tal-gvern: il-vouchers li tqassmu lir-residenti kollha u ċ-ċertifikat tal-vaċċin tal-Covid-19.

B’kollox kien hemm 2,193,731 login matul dan il-perjodu, fil-fatt, matul ix-xahar ta’ Ġunju biss kien hemm 1,503,033 login fil-kont tal-eID. Fl-istess żmien kien hemm 34,822 talba sabiex tinbidel il-password tal-kont tal-eID filwaqt li kienu attivati 24,058 kont ġdid. Matul l-istess perjodu din it-taqsima rċeviet u assistiet 9,878 telefonata filwaqt li rrispondiet 27,424 email.

L-aktar jum li fih intuża l-kont tal-eID kien fl-20 ta’ Mejju, il-jum li fih tnieda t-tieni round tal-€100 vawċers tal-gvern, bil-maġġoranza tal-logins, 750 kull minuta, saru waqt li kienu qed jixxandru l-aħbarijiet ta’ filgħaxija.

Turija ċara oħra tal-effiċjenza ta’ Identity Malta hija dik b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għas-Saħħa u l-awtoritajiet tas-saħħa sabiex jinħareġ iċ-ċertifikat Ewropew tal-vaċċin.

Brexit: Aktar minn 9,000 applikazzjoni għal status ta’ residenza benefiċjarja

Sfida addizzjonali oħra hija dik relatata ma’ Brexit. Hekk kif miftiehem fil-Withdrawal Agreement bejn l-UE u r-Renju Unit, il-Brittaniċi li jgħixu f’Malta kellhom żmien twil biex japplikaw għal status ta’ residenza benefiċjarja li għalaq fit-30 ta’ Ġunju, skont ir-regoli miftehmin. Hawnhekk ukoll l-Aġenzija Identity Malta kellha toħloq strutturi adekwati li ħadmu b’suċċess.

Infatti, l-ammont ta’ dawn l-applikazzjonijiet qabeż id-9,500, li minnhom 7,000 huma diġà approvati għaliex kellhom residence card.

Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat irringrazzja lill-ħaddiema ta’ Identity Malta għall-effiċjenza li biha rrispondew għaċ-ċirkostanzi.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Identity Malta Anton Sevasta esprima sodisfazzjon li l-aġenzija offriet servizz lil tant eluf ta’ nies f’qasir żmien. Tenna l-impenn tal-aġenzija li tkun konformi u aġġornata fis-sistemi diġitali tagħha sabiex tiffaċilita kemm jista’ jkun u taqdi l-bżonnijiet tal-klijenti tagħha.

Ritratti (DOI/MHSE_PS)

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com