Approvata R-Riżoluzzjoni Dwar L-Ungerija Fil-Parlament Ewropew

 Approvata R-Riżoluzzjoni Dwar L-Ungerija Fil-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew għadu kemm approva b’maġġoranza qawwija r-riżoluzzjoni miktuba u nnegozjata mill-MEP Laburista Cyrus Engerer dwar il-ksur tal-liġi Ewropea fl-Ungerija.  Il-vot li għadda b’maġġoranza ta’ 69% favur, 22% kontra u 9% astensjonijiet kien deskritt bħala wieħed storiku mill-Grupp Progressiv tas-Soċjalista u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew.

“Ninsab sodisfatt ħafna li l-vot kien wieħed b’saħħtu ħafna bl-appoġġ tal-partiti prinċipali kollha.  In-negozjati ma kienux faċli, pero riedt li r-riżoluzzjoni tkun waħda b’saħħitha biex tissalvagwardja l-valuri u l-liġijiet Ewropej u fuq kollox iċ-ċittadini LGBTIQ fl-Ungerija,” qal Engerer.

Hu saħaq li minkejja li r-riżoluzzjoni tiffoka fuq l-Ungerija hi rilevanti għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, inkluż Malta.  Engerer qal li l-ksur tal-liġijiet fl-Ungerija qiegħed jaffettwa lil Malta fuq diversi temi, inkluż fuq l-immigrazzjoni fejn l-Ungerija mhux tonora l-qbil milħuq dwar ir-rilokazzjoni tal-immigranti biex jinqasam il-piż tal-immigrazzjoni bejn kulħadd.  Qal ukoll li tissalvagwardja d-drittijiet ta’ persuni Maltin u Għawdxin LGBTIQ li jaħdmu jew jgħixu fl-Ungerija grazzi għaċ-ċaqliq ħieles tal-persuni fl-Unjoni Ewropea, inkluż id-drittijiet ta’ dawk li jżuru lill-Ungerija fuq btala.

Engerer saħaq fid-diskors tiegħu fil-plenarja tal-Parlament Ewropew li l-valuri Ewropej huma ‘l fuq minn kwalunkwe liġi li l-Gvernijiet jistgħu jintroduċu biex joħonqu l-vuċi u d-drittijiet tal-minoritajiet fl-Unjoni Ewropea.

“Hu importanti li kulħadd ikollu edukazzjoni sesswali bbażata fuq ix-xjenza li tfhiem id-diversita’ li teżisti sabiex jekk persuna tħossha li hi differenti minn ħaddieħor ma jkollix għalfejn tingħalaq fiha nnifisha u tkun taf li l-persuna mhix waħedha,” qal Engerer.

Dwar il-vot li ttieħed Engerer qal li bħal ma għamel fil-kitba tar-riżoluzzjoni f’dawn l-aħħar ġranet, se jkompli jaħdem biex ikompli jressaq l-istejjer tan-nies l-aktar żvantaġġati, fil-Parlament Ewropew biex ikollna Ewropa li ma tħalli lil ħadd lura.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com