Bil-Filmat: Jikkomettu Li Għal Kull Ammont Ta’ Skart Li Jinġabar, Jissostitwuh B’Siġar Indiġeni Maltin

 Bil-Filmat: Jikkomettu Li Għal Kull Ammont Ta’ Skart Li Jinġabar, Jissostitwuh B’Siġar Indiġeni Maltin

Dan l-aħħar qed nisimgħu b’aktar inizjattivi favur l-ambjent f’pajjiżna; punt li aħna wkoll bħala tim ta’ Staradrjali nisħqu ferm fuqu.

Il-Valley Management Unit (VMU) fi ħdan Parks Malta li taqa’ taħt ir-responsabiltà’ tal-Ministeru tal-Enerġija, Intrapriża u Sostenibbiltà taħdem b’mod attiv fuq proġetti kapitali biex tħares il-widien permezz ta’ manutenzjoni u restawr ta’ karatteristiċi li jinsabu fihom; fil-fatt hija responsabbli minn 143 wied f’ Malta.

B’hekk, il-VMU spiss tikkollabora ma’ Kunsilli Lokali, NGOs u entitajiet oħrajn għar-riabilitazzjoni ta’ mogħdijiet tal-ilma.

Ix xogħolijiet jinkludu t-tneħħija ta’ materjal tal-kostruzzjoni u skart ieħor li jakkumula, it-tneħħija u kontroll ta’ speċi aljeni u invażivi, restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ fuq il-ġnub tal-widien, bħal pontijiet tal-ġebel u kanali.

Dawn ix-xogħolijiet huma ta’ importanza ekoloġika kbira għaliex issostni il-bijodiversita’, fejn wieħed irid jinnota li dawn huma l-abitat għal diversi speċi endemiċi jew f’riskju li jinqerdu.

Minħabba materjal mormi fil-widien dan qed iwassal għall-għargħar li jħalli impatt fuq il-mogħdijiet u għelieqi tal-madwar. Sfortunatament, dan jirriżulta wkoll f’telf ta’ ħamrija u ta’ prodotti agrikoli, apparti li l-iskart jispiċċa fil-baħar u jżid mat-tniġġis tal-baħar innifsu.

Kien għalhekk li fl-14 ta’ Lulju ġiet imnedija din il-Kampanja ta’ Tindif fil-Widien sabiex jitwassal għarfien biex dawn il-widien ikunu ndaf minn kull tip ta’ skart.

Preżentement il-VMU hija involuta f’5 proġetti ewlenin li huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, Life u l-Fond ta’ Koeżjoni. Saru wkoll il-masterplans li jiffokaw partikularment fuq 16 ilqugħ tal-ilma.

L-azzjonijiet immirati biex jindirizzaw it-titjieb tal-ekosistema għal kull ilqugħ tal-ilma huma wkoll inklużi f’dawn il-masterplans. Materji speċifiċi bħall-għargħar, ġbir tal-ilma tax-xita u protezzjoni tal-bijodiversita’ huma ukoll elenkati.

F’dan ir-rigward il- Ministeru tal-Enerġija, Intrapriża u Sostenibbilita’ qed jappella lill-pubbliku biex jingħaqad ma’ Parks Malta fil-Clean-up Campaign li qed issir bejn l-14 ta’ Lulju u 28 ta’ Lulju 2021. Din il-kampanja tagħlaq propju fil-Jum Dinji għall-Konservazzjoni tal-Bijodiversita’. Tajjeb li jingħad, li se jkun qed isir tindif estensiv f’diversi widien madwar Malta, fosthom;

o Wied Qirda
o Wied Ziju
o Wied Cawsli
o Wied is-Sewda
o Wied Lapsi
o Wied il-Mistra
o Wied il-Gnejna
o Wied sant’antnin
o Tindifa tal-bajja f’ Birzebbuga
o Tindifa fil-baħar (li l-post għad irid jintagħżel)

Bħala Ministeru, permezz ta’ Parks Malta, qed jikkommettu li għal kull ammont ta’ kilogrammi ta’ skart li jinġabar, ħa jkunu qegħdin jissostitwuh bi tħawwil ta’ siġar indiġini Maltin fl-istess widien.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com