Bil-Filmat: “Nitlob Apoloġija Għal Fejn Naqas L-Istat” – Il-Prim Ministru
Il-Prim Ministru Robert Abela waqt konferenza tal-aħbarijiet qal li llum irċieva r-rapport tal-inkjesta dwar l-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Qal li din saret bi qbil mill-Prim Ministru ta’ qablu flimkien mal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-Imħallef Emeritu Michael Mallia dalgħodu ppreżentalu r-rapport li ppubblikah f’verżjoni elettronika aċċessibbli għal kulħadd.
Dan ser jitqiegħed fuq il-medja tal-kamra tal-Parlament u l-PM talab biex dan ikun diskuss minnufih, fejn il-Parlament se jitlaqqa’ għada għalkemm, il-Parlament jinsab wieqaf. Qal li jħoss li dan huwa dmir li għandu jkun diskuss.
“Ninsab f’qagħda li nkun ċar ħafna dwar il-principji. Bħala Gvern ser nibqghu nieħdu t-tagħlimiet kollha minn dan l-episodju. Fost oħrajn, li jitwaqqaf kumitat apposta li jara li dak li kien propost jibda jitwettaq.”
Il-Mod ta’ kif nirreaġixxu għal dan ir-rapport għandu jkun mod li jkun pass ieħor lejn il-fejqan.
Semma kif ir-rapport qal li ma tezisti l-ebda prova fir-rigward li l-Istat kellu x’jaqsam mal-każ iżda madanakollu, intqal li għandhom jintrefgħu r-responsabbiltajiet.
Spjega kif anke l-proċess biex sar Prim Ministru ġdid, kellu jgħin biex tinbeda paġna ġdida. Semma wkoll għadd kbir ta’ riformi li ħolqu rivoluzzjoni fil-mod ta’ kif isiru l-ħatriet tal-ġudikatura, l-Imħallef u anke l-Kummissarju tal-Pulizija; dan tal-aħħar beda biss ftit sigħat wara li huwa sar PM.
“Dan kollu għamiltu b’sens ta’ konivnzjoni”, qal il-Prim Ministru u qal li b’umiltà laqa’ dak li tenna l-bord fejn laqa’ dawn ir-riformi kollha li qed isiru.
Qal li issa qed nitilqu minn pożizzjoni aktar b’saħħitha, liema pożizzjoni ġiet innutata b’mod internazzjonali u anke mill-bord innifsu.
“Bla dubju li dak li seħħ f’Ottubru 2017, ma jaħtix għalih il-poplu Malti”, qal il-PM. Sostna, li fl-aħħar xhur, ir-riformi wrew li ma nħarsu lejn wiċċ ħadd.
“Il-Gvern se jibqa’ jassigura li jkun hemm ir-riżorsi kollha meħtieġa kif wara kollox dejjem għamilna”, qal il-PM fejn tenna li dan isir “għax irridu li ssir ġustizzja mal-familja Caruana Galizia li tagħhom tibqa’ l-akbar weġgħa, kif ukoll mal-poplu Malti u Għawdxi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern se jerfa’ r responsabbiltà ta’ dawn ir-rakkomndazzjonijiet li għandhom isiru.
Għamel stedina lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin biex flimkien mal-Gvern jaħdmu biex ikun hemm tisħiħ tal-professjoni biex dan kollu, jingħaqad mal-programm tar-riformi li għandhom isiru.
Qal ukoll, li llum u għal li ġej, l-azzjonijiet tiegħu se jibqa’ jibniehom fuq il-ħtieġa li nkomplu nirriformaw biex ikollna pajjiż modern u b’saħħtu fejn tidħol is-saltna tad-dritt. “Se nibqa’ ninsisti biex l-isfidi naffaċċjawhom bħala pajjiż magħqud”, temm il-PM.