“Dan Il-Każ M’hux Għajr Inġustizzja Kbira Maħduma Minn Persuni Li Kellhom Skop Ċar Li Lili Jkissruni.”

 “Dan Il-Każ M’hux Għajr Inġustizzja Kbira Maħduma Minn Persuni Li Kellhom Skop Ċar Li Lili Jkissruni.”
L-Onorevoli Membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar spjegat fuq il-midja soċjali tagħha kif b’dispjaċir tgħid, li l-konklużjoni ta’ Dr.Hyzler ma tagħmilx ġustizzja magħha u mal-verità.
Saħqet li ma tistax tifhem kif mill-ġdid, dan ir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards diġa’ ġie leaked lill-mezzi tax-xandir. “Rapport li fiħ nuqqasijiet serji b’ħafna double standards użati.”
Qalet li “l-Kummissarju emmen il-verżjoni ta’ persuna li fuq din l-istorja rrilaxxat affidavit quddiem Nutar Pubbliku bl-iskop li dan l-affidavit jintwera lill-media iżda li għal xi raġuni dan l-affidavit qattgħatu biċċiet hekk kif bdiet din l-investigazzjoni biex ma jmurx ikun jista’ jintuża kontra din il-persuna jew l-avukat Dr Lofaro. Din il-mossa lil Kummissarju jidher li ma dejjqitux wisq. Mid-dehra anqas ma dejjqet lill-media”, kompliet tisħaq Cutajar.
Spjegat fid-dettall pass pass il-proċess kif mexa biex wassal għad-deċiżjoni tal-Kummissarju li tenniet li xxukjatha, “l-aktar għaliex kuntrarjament għal persuni oħra imsejjħa biex jixhdu, jien weġibt għal kull mistoqsija u tajt kull dokument mitlub minni.”
“Gidbu u ħarrfu kemm felħu fuqi.”
Qalu li bil-flus xtrajt id-dar tiegħi f’Ħal Qormi. Ġibna d-dokumenti li juru li mhux vera fosthom is-self li ħadt mill-bank biex ħallast dan il-post.
Qalu li l-flus tas-senserija għoddejthom ma’ missieri. Gidba.
Qalu li meta ġabuli l-flus, ix-xufier tiegħi ta’ dak iż-żmien ġabar lis-Sur Camilleri minn Triq l-Ifran fil-Belt. L-eks xufier tiegħi ikkonferma bil-ġurament li dan ma kienx minnu.
“Imma l-Kummissajru għoġbu jemmen lil dawn in-nies u mhux lili. Minkejja li l-provi li kellu quddiemu kienu qed juru mod iehor, minkejja li l-verżjoni tiegħi kienet ikkoraborata minn messaġġi li jmorru lura għall-2019 u li juru li jiena ma ħadt EBDA senserija”, tenniet Rosianne Cutajar.
Saħqet li minkejja dak kollu li għaddiet minn f’dawn l-aħħar xhur, mhux se taqta’ qalbha anzi se timtela b’kuraġġ għaliex fil-fond ta’ qalbha, taf x’inhi l-verità u jekk pruvaw ikissruha, mhux se jirnexxielhom. Issa jmiss li tistenna d-deċiżjoni tal-Kumitat Parlamentari fejn sadanittant se tibqa’ Deputat Parlamentari Laburista filwaqt li qalet li se terġa’ tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss għaliex tixtieq tkompli tħadem favur in-nies.

Social Media Auto Publish Powered By : XYZScripts.com