Differenza Fil-Ħajja Ta’ Aktar Minn 100 Persuna Żagħżugħa B’Diżabilità Severa
Aktar minn 100 żagħżugħ u żagħżugħa li għandhom il-kundizzjoni Down’s Syndrome jew diżabilità severa oħra mhux se jkollhom għalfejn jidhru quddiem il-Bord Mediku sabiex jibbenefikaw mill-Assistenza tad-Diżabilità Severa. S’issa l-qraba ta’ dawn il-persuni kellhom japplikaw mill-ġdid u jerġgħu jitilgħu quddiem il-Bord minħabba li uliedhom ikunu għalqu is-16-il sena u b’hekk ma kinux jaqgħu aktar mal-kategorija tad-Disability Child Allowance.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministri Michael Falzon u Julia Farrugia Portelli li esprimew kif din il-miżura ta’ simplifikazzjoni se twassal għal inqas burokrazija, ħela ta’ ġranet leave u strapazz ieħor għalxejn.
Il-Ministru Michael Falzon qal li nħass il-bżonn li dan il-proċess ma jibqax isir u spjega li din hija forma oħra ta’ ġustizzja soċjali li tagħti l-opportunità lil kulħadd biex jilħaq il-potenzjal tiegħu. “Għalhekk aħna gvern li jisma’, gvern tan-nies u għan-nies, gvern li jintervjeni fejn hemm bżonn biex jagħti kwalità ta’ ħajja aħjar lil min diġà qed jiffaċċja sfidi f’ħajtu”, qal il-Ministru Michael Falzon.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li, “F’Marzu li għadda konna ħabbarna li se nintroduċu miżura ta’ simplifikazzjoni għal persuni b’diżabilità severa li permezz tagħha madwar 90% ta’ persuni b’diżabilità severa mhux se jkollhom għalfejn jerġgħu jidhru quddiem il-Bord Mediku meta jagħlqu 16-il sena. Dak li ħabbarna f’Marzu li għadda bdejna nimplimentawh ftit tal-jiem ilu meta ġew notifikati dawk il-persuni kollha li jbatu minn diżabilità severa u li jkunu laħqu jew se jilħqu l-età ta’ 16-il sena bejn Jannar li għadda u Awwissu li ġej u li huma eliġibbli għall-Assistenza għal Diżabilità Severa. Matul Awwissu se jkunu notifikati dawk li se jilħqu l-età ta’ 16-il sena bejn Settembru u Diċembru li ġejjin”.
Il-Ministru Farrugia Portelli żiedet tgħid li l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura hija prova oħra ta’ kemm il-gvern jinsab lest jagħti widen, jiżen dak li jingħadlu u fejn jirriżulta li dak li jitwassallu jkun ġustifikat, allura ma jiddejjaqx jibdel u jtejjeb. “Qegħdin inkomplu nuru d-determinazzjoni tagħna li nagħmlu dak kollu possibbli biex intejbu l-kwalità tal-ħajja mhux biss tal-persuni b’diżabilità imma wkoll ta’ qrabathom għax dawn għalina huma persuni daqs u bħal ħaddieħor,” ikkonkludiet il-ministru.
Id-Direttur fi ħdan id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali George Cremona spjega li l-ġenituri mhux se jkollhom għalfejn japplikaw mill-ġdid u minflok se jkunu qed jirċievu notifika ġranet qabel li jasal il-benefiċċju fi djarhom. Huwa spjega li d-Dipartiment qed inaqqas il-burokrazija, anke f’oqsma oħra bħalma hi l-Carers Grant, li jingħata lil dawk il-ġenituri li jieħdu ħsieb uliedhom b’diżabilità severa. Għal dan il-benefiċċju, l-istess ġenituri m’hemmx għalfejn jerġgħu japplikaw mill-ġdid.
Joanne Xerri, omm ta’ persuna bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome, esprimiet sodisfazzjon għal din l-aħbar, li fi kliemha fissret kif din se tagħtihom nifs kbir għall-fatt li bħala ġenituri diġà jieħdu ammont konsiderevoli ta’ leave sabiex jattendu għal visti regolari ma’ uliedhom.
Din il-miżura ta’ simplifikazzjoni bdiet titħaddem minn Ġunju ta’ din is-sena u ġew notifikati dawk kollha li laħqu jew se jilħqu l-età ta’ 16-il sena bejn Jannar 2021 u Awwissu 2021 u li huma eliġibbli għall-Assistenza għal Diżabilità Severa.
Matul Awwissu se jiġu notifikati dawk eliġibbli taħt din il-miżura ta’ simplifikazzjoni u li se jilħqu l-età ta’ 16-il sena bejn Settembru u Diċembru 2021.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Rose Sciberras.
Ritratt: DOI / Clodagh O’Neill